Skart domestiku Malta

Sur Editur,

Naħseb li kulħadd jaqbel li l-iskart iġib il-mard u li għalhekk tajjeb li jkun hawn sistema effiċjenti ta’ ġbir ta’ skart. B’sodisfazzjon ninnota illi hafna kunsilli, apparti l-ġbir tal-iskart ġenerali għandhom servizzi oħra ta’ ġbir ta’ skart goff jew skart magħzul.

Għalkemm sar progress f’dan ir-rigward, inħoss li huwa nuqqas li l-iskart domestiku ġenerali mhux jinġabar kuljum f’ċerti lokalitajiet. Nieħdu miż-Żurrieq, pereżempju, l-iskart ġenerali domestiku ma jinġabarx f’ċerti ġranet li fihom jinġabar skart iehor. Jien inħoss li dan huwa nuqqas. L-iskart domestiku ġenerali xorta għandu jinġabar fil-ġranet li jinħareg l-iskart magħzul. L-iskart magħzul u dak ġenerali jistgħu faċilment jintagħarfu mil-lewn tal-borża li jkunu fiha, u għalhekk m’hemmx skuża li jsir taħlit tal-iskart jew li xi ħadd jitgerfex.

Jien ċert li l-Kunsill għandu għal qalbu s-saħħa taż-Żrieraq u ser jagħti widen dak li qed ngħid. Smajt ħafna tgergir minn nisa żghażagħ fir-raħal li ma jistax ikun li wieħed joqgħod jaħzen l-iskart sakemm tasal il-ġurnata li jinġabar. X’jiġri imbagħad jekk imqar timmissja l-ġurnata tal-ġbir tal-iskart għax jgħaddu qabel il-ħin?

Dan japplika wkoll għal lokalitajiet oħra li daħħlu din is-sistema li l-iskart ġenerali ma jinġabarx kuljum. Min għandu tfal zgħar jew jieħu ħsieb anzjani bil-ħrieqi żgur li jifhem eżatt x’qed ngħid. Kif jista’ jkun tħalli ġewwa skart ta’ ħrieqi maħmuġin, l-aktar fis-sajf! Għalkemm tkun issiġillajthom ġol-boroż suwed, xorta ħmieġ ikollok maħzun id-dar u bit-temperaturi għolja tas-sajf tirriskja l-fermentazzjoni tal-iskart ġo darek. X’qed nistennew li nġibu il-mard fuqna? Aktar w’aktar fis-sajf, huwa mportanti li ma nħallux familji bil-boroż suwed mimlija ħrieqi maħmuġin jistennew bil-ħniena l-ġurnata tal-ġbir tal-iskart!

Nappella lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jassiguraw li terġa’ tidħol is-sistema oriġinali ta’ ġbir ta’ skart ġenerali kuljum, mit-Tnejn sas-Sibt. Jien dejjem hekk nafha s-sistema tal-ġbir tal-iskart. Għala, mela, għamilna pass il-quddiem u ieħor lura? Nirringrazzja lill-awtoritajiet bil-quddiem ħalli nkomplu nagħmlu progress u nevitaw il-mard.

F. A. Farrugia
Iz- Zurrieq.