Il-Membru Parlamentari għall-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal li jekk tittieħed azzjoni kriminali kontra Pierre Portelli (Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-PN) dan ikun każ ċar ta’ frame-up. Aquilina kien qed jirreaġixxi għar-rapporti li dehru fit-Times of Malta fejn kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru semma l-possibilità li tittieħed azzjoni kriminali kontra n-nies li jissemmew fl-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant.

Huwa sostna li f’każ li tittieħed azzjoni fil-każ ta’ Portelli din tkun parodija tal-ġustizzja li ssir biss minn dittaturi.

Portelli dak iż-żmien kien għadu jaħdem mal-Malta Independent, u Aquilina fil-kumment tiegħu rrimarka li huwa kien qed jagħmel xogħlu bħala ġurnalist filwaqt li poġġa ruħu għad-disposizzjoni tal-Maġistrat Bugeja.

Aquilina wera l-appoġġ tiegħu għal Pierre Portelli.

Fost dawk li qasmu l-post ta’ Aquilina kien hemm id-deputati Beppe Fenech Adami, Karl Gouder u Jason Azzopardi, kif ukoll Alex Perici Calascione.

Azzopardi qal li min ikun qed jaqdi dmiru in bona fede m’għandu qatt jkun suġġett ta’ akkużi kriminali jew sanzjonijiet politiċi.