Raġel ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-allegat ħtif ta’ tifel mill-Għadira.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Pulizija, li qalet li rċeviet ir-rapport dwar il-każ fit-8.10pm. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Omm it-tifel appellat biex it-tfal ma jitħallewx weħidhom, speċjalment meta jkunu fejn il-baħar, wara li lbieraħ ippruvaw jaħtfulha lil binha fuq il-bajja tal-Għadira.

Skont l-omm l-attentat seħħ hekk kif binha ta’ ħames snin qalilha li kien sejjer jaħsel il-barmil u l-pala fil-baħar. Hekk kif it-tifel kien qed jaħsel il-ġugarelli, raġel allegatament mar fuq it-tifel u għattielu ħalqu biex dan ma jkunx jista’ jgħajjat.

L-omm sostniet li mnalla t-tifel gidem id l-allegat aggressur xħin dan kien qed jipprova jdaħħlu f’kamp li kellu fuq il-bajja.

Fil-post tagħha fuq Facebook l-omm irringrazzjat lill-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra kif ukoll lill-uffiċċjali tar-Rapid Intervention Unit li kienu ta’ għajnuna f’dan il-każ.

Intant, illum Malta qiegħda tfakkar il-Jum Dinji kontra t-Traffikar ta’ Persuni, u t-tema ta’ din is-sena hi t-traffikar tat-tfal u ż-żgħażagħ. Fid-dawl tal-appell tan-Nazzjonijiet Magħquda biex tittieħed azzjoni biex t-tfal ikunu protetti u ssir ġustizzja ma’ dawk li jsofru xi forma ta’ abbuż, il-Gvern Malti, fi stqarrija, tenna l-impenn tiegħu li se jkompli jħarrax il-ġlieda kontra t-traffikar uman.