L-aġenzija tal-kreditu internazzjonali Standard and Poor’s naqqset ir-rati ta’ kreditu tal-bank Malti Bank of Valletta minħabba l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-Bank Pilatus.

Skont S&P, dawn l-allegazzjonijiet żiedu r-riskji ta’ reputazzjoni u operattivi għas-settur bankarju Malti.

Dan ħareġ mir-rapport li S&P ħejjiet dwar l-assessjar tar-riskji għall-industrija tal-banek f’Malta bil-konsegwenza li r-rata tal-BOV naqset minn BBB+ għal BBB.

S&P tbassar ukoll li fis-sena jew sentejn li ġejjin jista’ jkun hemm aktar tnaqqis minħabba li l-prospetti huma negattivi. Ewlenija fost ir-raġunijiet għal dan it-tbassir negattiv mill-aġenzija tal-kreditu internazzjonali hija t-tilwima li l-BOV għandha f’kawża mal-Italja.

“Riżultat tar-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija” – BOV

Il-Bank of Valletta qal li dan it-tnaqqis fir-rata ta’ kreditu għal zmien fit-tul huwa riżultat tar-reputazzjoni li ħadet il-ġurisdizzjoni Maltija.

Il-BOV fi stqarrija qalet li għalkemm ir-rata ta’ kreditu fit-tul ġie stabbilit għal BBB, dak fl-immedjat huwa ta’ A-2. L-istqarrija tkompli tgħid li l-aġenzija ta’ kreditu tenfasizza li l-profittabilità tal-BOV u l-kwalità tal-assi tajbin jiżguraw li l-Bank se jżomm kapital adegwat meta mqabbel mar-riskju f’terminu medju.

Il-Bank Ċentrali ma jarax riskji

Min-naħa l-oħra, il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li banek żgħar internazjonali bħal Bank Pilatus m’għandhomx riskji sistematiċi fuq l-istabbilita finanzjarja ta’ Malta.

Il-Bank Ċentrali saħaq li l-mudell tal-banek domestiċi jibqa’ dak li jalloka d-depożiti tan-negozji għal self mir-residenti u għal investiment b’riskju baxx.

Is-settur bankarju f’Malta jibqa’ jagħmel profitti – MFSA

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA qalet li s-settur bankarju f’Malta mistenni jibqa’ jagħmel profitti bil-banek lokali jibbenefikaw minn ambjent fejn l-ekonomija qed tespandi.

Fi stqarrija, l-MFSA spjegat li bħala Bank Malti u Ewropew, il-BOV jaqa’ taħt superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew filwaqt li l-MFSA bħala awtorità regolatorja tkun f’kuntatt kemm bal-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll mal-bank lokali.

Għar-rapport ta’ S&P, l-MFSA qalet li mistennija wkoll li twettaq riformi “maġġuri” fl-operat tagħha billi żżid il-ħaddiema u anki tinvesti f’teknoloġija moderna biex tkompli tagħmel superviżjoni stretta skont il-liġijiet.

“Il-Ministru Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbiltà” – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ insista li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal rapport ieħor li qed jitfa’ dell ikrah fuq is-settur finanzjarju f’Malta. Il-PN spjega dan minħabba li kemm l-FIAU kif ukoll l-MFSA jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ministerjali tal-Ministru Scicluna.

Fi stqarrija, il-PN saħaq li dan it-tnaqqis fir-rati ta’ kreditu seħħ wara li l-Awtorità Bankarja Ewropea ħarġet ir-rapport tagħha dwar il-Bank Pilatus.