Il-Gvern Ġermaniż se jeskala l-battalja fiskali tiegħu fil-konfront ta’ ġganti tat-teknoloġija bħal eBay u Amazon. Dan billi se jagħmilhom responsabbli għal dawk il-bejjiegħa li jevadu li jħallsu t-taxxa fuq il-bejgħ meta jbiegħu minn fuq is-siti tagħom. Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż iddeskriva din il-miżura bħala mezz ta’ kif jipproteġi negozjanti onesti, il-liġi kienet ikkritikata mill-gruppi li jirrapreżentaw l-industrija diġitali.

L-operaturi ta’ siti li joffru ‘suq elettroniku’ se jkunu obbligati jiġbru tagħrif fuq il-bejjiegħa, inkluż l-ismijiet, l-indirizzi, numru tat-taxxa, id-data u d-daqs tat-transazzjoni. Skont il-Gvern Ġermaniż, kull sena jintilfu mijiet ta’ miljuni f’taxxa minn transazzjonijiet elettroniċi. Ġeneralment ikunu kumpaniji barranin li mhumiex reġistrati mal-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż.

B’kollox, il-bejgħ elettroniku jammonta għal 10% tal-bejgħ fl-imnut kollu fil-Ġermanja, jiġifieri madwar 53 biljun ewro. Madankollu, ma kienux biss il-gruppi diġitali, li naturalment opponew tali miżura. Iżda anke esperti fil-qasam tat-taxxa u n-negozju qalu li dan il-proċess se jżid il-burokrazija fit-tranzazzjonijiet hekk kif diversi bejjiegħa se jkollhom jistennew ġimgħat sħaħ biex jiġu reġistrati. Anke l-Kamra tal-Kummerċ Ġermaniża sostniet li dan se jwassal biex jonqos il-kummerċ u għalkemm il-motivazzjoni hija ġustifikata, il-mezz huwa kumpless wisq.

Fl-aħħar ġimgħat kienu diversi l-kumpaniji diġitali kbar li daħlu f’argumenti mal-Ewropa, li laħqet il-qofol tagħha b’multa ta’ 4.3 biljun ewro mill-Kummissjoni Ewropea għal Google dwar abbuż tas-sistemi operattivi (Android) tat-telefons ċellulari.

L-akbar stockbrocker Irlandiż jgħaddi f’idejn Ċiniżi

Il-kumpanija tal-ispazju u d-difiża tal-Istat Ċiniża hija fost l-investituri ewlenin li se takkwista l-aktar stockbrokerantik fl-Irlanda, Goodbody. Avic, li tiżviluppa fighter jets, ħelikopters u drones militari, hija azzjonist prinċipali f’Zhongze Culture Investment parti minn konsorzju Ċiniż li se jixtri Goodbody. Dan wara li għażlet lil Dublin flok Londra biex tespandi fl-ewropa.

Din il-kumpanija Irlandiża għandha storja ta’ aktar minn 140 sena u hija eżempju ieħor ta’ investiment kontinwu li daħal fl-Ewropa miċ-Ċina fl-aħħar snin. Fost l-aktar rinomati, l-Industrial and Commercial Bank of China, xtara sehem ta’ maġġoranza f’Standard Bank, filwaqt li konsorzju Ċiniż u Amerikan xtara lil Cricle Internet Financial, kumpanija Irlandiża oħra għal madwar 100 miljun.

Ix-xerrejja ta’ Goodbody qed ifittxu li jidħlu fis-suq Ewropew iżda fl-istess ħin jillimitaw l-impatt ta’ Brexit, grazzi għall-operazzjonijiet li Goodbody għandha fl-UE.

Dublin, flimkien ma’ Frankfurt u Pariġi attirat bosta investiment fl-aħħar xhur minn gruppi tas-servizzi finanzjarji li jridu jżommu aċċess għas-suq tal-kontinent Ewropew wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Hu mifhmum li l-kumpanija Goodbody nbiegħet għal madwar 150miljun ewro.

Jiżdiedu l-profitti ta’ Lloyds Bank

Il-Bank Ingliż Lloyds irreġistra żieda ta’ 23% fil-profitti fl-ewwel sitt xhur tas-sena, indikazzjoni li tagħti nifs lill-ekonomija tar-Renju Unit. Dan hu għaliex l-ekonomija domestika hija ċentrali fl-operat tal-Lloyds li filfatt huwa l-akbar bank f’termini ta’ bejgħ ta’ loans għall-proprjetà.

Il-profitt qabel it-taxxa laħaq it-3.1 biljun sterlina. Dan minkejja li l-bank kellu jagħmel dispożizzjoni ta’ 460 miljun sterlina minħabba ħlasijiet li qed ikollu jagħmel wara li nstab ħati ta’ bejgħ ħażin ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni, f’wieħed mill-akbar skandli bankarji li swew flus fil-pajjiż.

Dawn ir-riżultati taw xhieda tas-suċċess tal-istrateġija tal-bank li rreġistra dan it-tkabbir minkejja kompetizzjoni qalila minn banek tradizzjonali kif ukoll minn startups teknoloġiċi finanzjarji żgħar. Il-bank ħabbar li se jkun qed jagħti imgħax għall-ewwel sitt xhur ta’ 1.07 pence kull sehem.

Mal-ħruġ ta’ din l-aħbar kien hemm żieda ta’ 2% tal-valur tal-ishma tal-kumpanija.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment