Facebook

Is-sid ta’ Legligin Wine Bar qal li Shannon Mak, il-mara li nstabet mejta b’għonqha mħanxar f’Santa Venera lbieraħ, kienet mara ta’ karattru ħelu, intelliġenti u ħabrieka.

Dan ġie rrappurtat f’bosta ġurnali Olandiżi li wkoll ikkonfermaw li l-età tal-mara hija dik ta’ 30 sena.

Fil-ġurnali internazzjonali ntqal li Mak kienet għamlet xi żmien taħdem f’dan il-bar fil-Belt Valletta. Dan l-aħħar kienet qed taħdem ma’ kumpanija tal-gaming.

Sors ieħor li tkellem mal-ġurnal AD qal li Mak kienet tfajla mimlija ħajja u spontanja. Spjega li qtil ta’ dan it-tip mhux wieħed normali għal Malta.

Fost il-kummenti li għaddew il-ġurnali Olandiżi spjegaw kif dan huwa r-raba’ qtil f’Malta fl-aħħar ftit ġimgħat. Dan hekk kif semmew il-każ tar-raġel li qatel lil ommu u zitu u l-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti. Apparti dawn semmew ukoll il-qtil ta’ Tim Scholten li ttajjar minn żagħżugħ Malti f’San Ġiljan f’Lulju.

Xi persuni Olandiżi li jgħixu Malta rrikorrew Facebook biex jgħarrfu lill-qraba tagħhom li ma jinsabux f’periklu.

X’ġara lbieraħ?

Il-Pulizija arrestat Olandiż b’rabta mal-qtil tal-mara li nstabet b’għonqha mħanxar f’Santa Venera kmieni lbieraħ filgħodu.

Il-mara nstabet bla ħajja fis-6.15am fi Triq il-Mastrudaxxi, taħt ħajt, bejn żewġ karozzi pparkjati. Mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, sabu lill-vittma f’għadira demm, bi ġrieħi li jindikaw li sfat vittma ta’ sikkina. Issejħu wkoll esperti forensiċi, il-karozza tal-mejtin tal-Pulizija filwaqt li ġew elevati numru ta’ filmati mill-kameras tas-sigurtà. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tmexxi l-inkjesta.

Għadu mhux magħruf jekk il-mara nqatlitx fuq il-post jew ġiet trasportata wara li nqatlet xi mkien ieħor. Rapporti qalu li l-vittma dehret f’post ta’ divertiment fil-Qawra ftit sigħat qabel.