Il-fjamingi li jinsabu fir-Riserva Naturali tal-Mellieħa kienu parti minn qata ta’ 60 fjamingu li daħlu fil-bajja nhar is-Sibt li għadda. Il-fjamingi li baqgħu fir-riserva huma frieħ.

Huma baqgħu hawn peress li din kienet l-ewwel vjaġġ ta’ migrazzjoni u għalhekk kienu għajjiena. Dan qalu kelliem għal BirdLife Malta, Raymond Vella li tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar il-fjamingi li jinsabu f’pajjiżna bħalissa.

Il-fjamingu li niżel fir-Ramla l-Ħamra għadu qiegħed jinżamm taħt osservazzjoni u qed jingħata xi mediċina minħabba li kien għajjien u kellu nuqqas ta’ ikel. Dan il-fjamingu, skont Vella mistenni li jkun meħlus il-ġimgħa d-dieħla.

Vella spjega kif il-fjamingi fil-Meditterran qed jiżdiedu meta’ mqabbel ma dokumenti ta’ 40 sena ilu. Iż-żieda ta’ fjamingi qed tidher minħabba l-protezzjoni li hemm fuq dawn l-għasafar. Vella qal ukoll li f’dawn l-aħħar tliet snin, il-fjamingi bdew ibejtu f’żewġ postijiet fi Sqallija.