Ittieħdu l-flus ta’ erba’ persuni li ammettew li kienu ħatja li kienu involuti mal-ħidma ta’ burdell u se jiġu deportati lura lejn pajjiżhom.

Illum fil-Qorti nstema’ kif Alina Shcheblykina, Yuliia Sosnik, Tatiana Druta, u Tetiana Shapovalova nstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Huma ġew akkużati li kellhom sehem fl-eżerċizzju ta’ burdell.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat flus kontanti u diversi kontraċettivi li sabet bħala parti mill-evidenza. Skont il-Pulizija, din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużati kienu ġew Malta. L-akkużati ngħataw sentenza ta’ priġunerija għal-sena sospiża għal sentejn. Il-Qorti ordnat ukoll li l-flus konfiskati għandhom jgħaddu favur il-Gvern Malti.

L-akkużati qalu li xi flus li ġew ikkonfiskati kienu ġabuhom magħhom u ma għamluhomx minn attività illeċita. Madanakollu, il-Maġistrat qalet li dan il-punt kien messu tqajjem aktar kmieni fis-seduta qabel m’ammettew għall-akkużi.