Bosta huma dawk l-istudenti u żgħażagħ li jkunu għadhom kemm temmew l-istudju tagħhom, li jmorru għal internship sabiex itellgħu ftit esperjenza u jlaħħmu s-cv.

Madanakollu huma ftit li jafu l-legalitajiet madwar l-internship u x’għandu jsir sabiex min iħaddem ma japprofittax ruħu minnhom u minn ħinhom.

L-internship jew kif jirreferu għalih bosta bil-lingwa Ingliża, internship, jikkonsisti fuq perjodu qasir fejn wieħed jipprattika professjoni, ħafna drabi mingħajr ħlas. Ġeneralment dan it-tip ta’ xogħol isir b’rabta mal-qasam ta’ studju tagħhom u ħafna drabi jkun rekwiżit mill-kors jew inkella xewqa li wieħed jikseb esperjenza qabel ma jidħol għad-dinja tax-xogħol.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jobsplus li spjega r-regoli fid-dettall ta’ dak kollu li għandu jsir qabel ma’ wieħed jibda internship ma’ kumpanija lokali.

Tipi ta’ internship

L-internship għandu jkun bejn ftit ġimgħat sa sitt xhur, bil-massimu possibli jkun ta’ 12-il xahar. Dawn jistgħu ikunu kemm obbligatorji jew inkella jsiru jekk wieħed verament jixtieq jagħmilhom. Dejjem jiddependi fuq il-kors.

Għalhekk, Jobsplus tirrikonoxxi żewġ tipi ta’ internship:

  1. Internship bħala parti minn studju akkademiku jew vokazzjonali
  2. Internship li jsegwi wara li wieħed itemm l-istudju tiegħu

Kull intern irid ikollu ftehim iffirmat

Kull tip ta’ intern irid ikollu ftehim iffirmat li jiġi sottomess lil Jobsplus. Il-ftehim irid jinkludi dawn l-affarijiet:

  1. Il-linja ta’ studju li l-intern irid isegwi
  2. Il-perjodu tal-internship u l-ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa
  3. Programm dettaljat li jinkludi l-objettivi tal-internship sabiex tkun assigurata l-kwalità u relatat mal-linja ta’ studju
  4. Identifikazzjoni tal-persuna li se tkun qed tieħu ħsieb lill-istudent
  5. Jekk hemmx xi tip ta’ sapport finanzjarju jew paga
  6. Insurance għal każ ta’ inċident

Wara li jintemm l-internship, l-istudent għandu jirċievi ċertifikat tat-tmiem jew ittra ta’ referenza.

Huwa importanti li l-istudent ma jispiċċax jagħmel xogħol ta’ persuna li taħdem fuq bażi full-time imma jkun iggwidat u taħt osservazzjoni kontinwa.

L-istudenti mhumiex intitolati li jirċievu impjieg mill-istess kumpanija wara li l-perjodu tal-internship jintemm.

Il-kumpaniji huma wkoll limitati fin-numru ta’ studenti li jimpjegaw f’internship.

Il-kelliem għall-Jobsplus spjegat li dawn ir-regoli huma importanti għaliex jassiguraw li l-ebda student ma jiġi użat jew immanipulat.

Trid timla l-formola tal-Jobsplus

Qabel ma tibda t-terminu tal-apprentistat tiegħek, il-kelliema għall-Jobsplus insistiet li hemm bżonn timtela formola bl-isem ta’ Internship/Traineeship Notification Form (LCU13) flimkien mal-ftehim imsemmi aktar kmieni.

Din tista’ tintbagħat bil-posta lil Jobs Advisory Services, Employment Services Division, Ħal Far, BBG 3000 jew inkella internships.jobsplus@gov.mt minn tal-inqas ġimgħatejn qabel ma jibda.

Jobsplus imbagħad tiddetermina jekk dan l-apprentistat jistax isir jew le.

Inti kellek xi esperjenza ta’ internship li ma segwitx ma’ dawn ir-regoli? Ibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt