Il-Kattidral ta' San Pawl, f'Pittsburgh

Rapport ta’ investigazzjoni li ilha għaddejja x-xhur dwar allegazzjonijiet ta’ abbużi f’sitt djoċesijiet tal-istat ta’ Pennsylvania fuq medda ta’ 70 sena, se jkun fih deskrizzjoni traġika u ta’ dwejjaq ta’ affarijiet li seħħew fil-Knisja.

L-Isqof David Zubik ta’ Pittsburgh, f’ittra li bagħat lill-Kattoliċi tad-djoċesi qalilhom li ried jippreparahom għal dan ir-rapport li se jkun pubblikat f’dawn il-jiem filwaqt li assigurahom li d-djoċesi ikkooperat mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u qatt ma ppruvat timblokka jew taħbi dan ir-rapport.

Madwar 90% tal-inċidenti rappurtati fid-djoċesi, kollha seġġew qabel l-1990. Madankollu kull att ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, hu dejjem ikrah, irrispettivament minn kemm ilu li sar.

“Illum fid-djoċesi tagħna”, żied jgħid l-Isqof “nassigurakhom li ma hemm ebda qassis jew djaknu li qed jaqdi ministeru pubbliku, li kontrih kien hemm xi allegazzjoni sustanzjata ta’ abbuż fuq it-tfal.

“Għal aktar minn 30 sena id-Djoċesi ta’ Pittsburgh għandha regolament li jgħinuha tirrispondi mill-ewwel u b’kumpassjoni meta vittm ta’ abbuż jersqu ‘l quddiem. Illum inwieġbu għal kull allegazzjoni b’mod ferm differenti minn kif kien isir snin ilu”, spjega l-Isqof.

Hu ħabbar ukoll li fil-ġurnata li fiha jkun pubblikat ir-rapport tal-investigazzjoni, id-djoċesi tippubblika l-ismijiet tas-saċerdoti tagħha li kienu akkużati b’abbuż.

“Mal-pubblikazzjoni tar-rapport se nibqa’ nkwetat dwar il-vittmi u tbatija li għaddejjin minnha. Irridu nkomplu nitolbu għalihom u magħhom u ngħinuhom kemm hu possibbli” qal l-Isqof Zubik fl-ittra li nqrat fil-quddies kollu ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

“Kemm ili li sirt Isqof tagħkom 11-il sena ilu, iltqajt ma’ ħafna ma’ vittmi ta’ abbużi sesswali u l-ġenituri tagħhom. Rajt b’għajnejja il-ħsara kbira li dawn l-abbużi għamlulhom f’ħajjithom. Jien u l-ħaddiema dedikati tagħna se nkomplu bl-isforzi tagħna biex ngħinuhom emozzjonalment u spiritwalment biex insewwu l-ħsara li sofrew”, qal l-Isqof.