L-eks kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li abbażi ta’ ritratt li qed jixxerred fuq il-midja soċjali jidher li hemm min iridu maqtul.

Fir-ritratt immanipulat jidhru l-Ministru Konrad Mizzi, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri b’pala f’idejhom u daħka fuq wiċċhom. Quddiemhom hemm ħamrija b’tali mod li turi li xi ħadd kien għadu kemm ġie midfun bil-kliem “RIP Xmun il-purtinar” fuqha. Fil-ġenb tad-difna hemm Kristina Chetcuti, is-sieħba ta’ Busuttil b’espressjoni ta’ dieqa.

Isfel nett tal-istampa hemm il-kliem “ġie midfun darba għal dejjem”.

Fuq post fuq Facebook, Busuttil sostna li xeni bħal dawn huma riżultat tal-mibgħeda u l-firda li l-Prim Ministru, Joseph Muscat u “sħabu jisqu lin-nies kuljum” kontrih.

Sostna li jriduh maqtul għax jiġġieled għall-verità u l-ġustizzja. Madanakollu qal li xejn mhu se jagħlaqlu ħalqu.