Ian Noel Pace

Omm Simon Morrison, li kien weġġa’ fl-inċident li seħħ f’April li għadda fiż-Żurrieq u li fih mietu żewġ persuni, qed titlob li tinstablu dar adegwata għar-realtajiet ġodda tiegħu, fosthom il-fatt li tilef il-memorja. Morrison li għandu 42 kien ittieħed lejn ir-Renju Unit b’ambulanza tal-ajru wara li ngħata l-kura intensiva. Huwa kien tpoġġa f’koma biex ikunu jistgħu jieħdu lura lejn pajjiżu.

Dakinhar tal-inċident Morrison kien Malta flimkien ma oħtu Suzanne Henderson, ir-raġel tagħha u żewġt itfal tagħhom u kollha kienu jinsabu fuq id-double-decker. Skont ir-rapport li deher fil-ġurnal Ingliż, Morrison ħareġ mill-isptar f’Ġunju, xahrejn wara li seħħ il-każ.

Morrison kawża tal-ġrieħi li ġarrab f’rasu għandu problemi bil-memorja u bil-mobilità u għalhekk daru ma baqgħet adegwata għalih. Huwa tilef il-memorja u sar jinsa ħafna. Ommu kompliet tgħid kif dal-aħar reġa’ qed jitgħallem isajjar. Hi stqarret li minkejja d-diżabilità li għandha qed ikollha tivvjaġġa żewġ mili u nofs tliet darbiet kuljum biex tieħu ħsiebu.

Ir-raġel ta’ oħtu tilef is-smigħ minn widna minnhom u oħtu għadha għaddejja bil-fiżjoterapija.