Neeske Beckmann, kelliema għall-għaqda mhux governattiva Lifeline li tagħmel salvataġġ mill-baħar qalet li tixtieq li s-sitwazzjoni hi differenti u li qegħdin isalvaw in-nies minflok jiddiskutu meta se jitħallew isalpaw bid-dgħajjes. F’laqgħa pubblika li ġiet organizzata ‘lbieraħ, tliet rappreżentanti minn Sea-Watch, Sea-Eye u Lifeline tkellmu dwar il-ħidma tagħhom fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ organizzat mis-soċjetà ċivili.

Tamino Bohm mill-għaqda Sea-Watch spjega fid-dettal kif l-għaqda twettaq il-ħidma tat-tfittxija u salvataġġ fil-baħar. Huwa saħaq li huma jużaw Malta bħala bażi għal-loġistika tal-vapur minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta. Voluntiera ġodda għall-vapur jiġu Malta biex isalpaw. Huwa spjega wkoll kif il-voluntiera kollha huma professjonisti fil-qasam tagħhom, bhat-tobba, infermiera, eċċ. Bohm qal li minkejja l-għajdut, l-għaqda żżomm ruħha permezz ta’ donazzjonijiet li jsiru mill-pubbliku li jagħtu €5 jew €10 u rari jingħataw somma ta’ iktar minn €100. Oħrajn jagħżlu li jagħtu €5 kull xahar. Il-Knisja Protestanta Ġermaniża qed tiffinanzja terz tal-ħidma tal-missjoni tal-ajruplan Moonbird, tal-istess għaqda, b’donazzjoni ta’ €100,000.

Il-kelliem ta’ Sea-Eye spjega kif id-dgħajsa tagħhom tagħmel ħdima tat-tfittxija u salvataġġ. Huwa saħaq fuq il-punt li meta jiltaqgħu ma’ każijiet fejn l-għajnuna tagħhom ma tkunx meħtieġa mill-ewwel huma jibqgħu jistennew l-awtoritajiet ikkonċernati.

Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk Transport Malta s’issa kkjarfikawx il-pożizzjoni tagħhom mal-għaqdiet Sea-Watch u Sea-Eye u għala dawn qed jinżammu Malta, Bohm wieġeb li le. Huwa sostna li filwaqt li għamlu kuntatt mal-awtoritajiet u għandhom relazzjoni tajba magħhom, l-awtoritajiet ġabu diversi argumenti li fi kliemu mhux applikabbli għalihom. Huwa stqarr li l-awtoritajiet qalulu li ħidma tat-tfittxija u salvataġġ bl-ajruplan tista’ ssir biss minn stat, Bohm saħaq li filwaqt dan huwa minnu huma ma jagħmlux din it-tip ta’ ħidma fiż-żona li tgħajjat lil Malta. Huwa kjarifika wkoll li f’każ li jiltaqgħu ma’ persuni li għandhom bżonn jiġu salvati u jkunu fiż-żona ta’ Malta huma jinformaw lill-awtoritajiet konċernati u b’hekk ir-responsabbilità taqa’ fuq Malta. Bohm stqarr li jidher li raġunijiet għalfejn huma miżmuma f’Malta huma ta’ natura politika iktar milli kwistjoni legali.

Rappreżentanti mit-tliet għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ ċivili kellhom laqgħa miftuħa għall-pubbliku dwar il-ħidma tagħhom. Ir-rappreżentat ta’ Sea Watch Tamino Bohn, Neeske Beckmann minn Lifeline u Markus Groda minn Sea Eye se jkunu qed jitkellmu fuq il-ħidma tagħhom u jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku f’laqgħa li se ssir fiċ-Ċentru tal-Voluntiera fil-Belt Valletta.

Mission Lifeline li għandha l-bastiment MV Lifeline tinsab maqbuda f’Malta hekk kif għaddej każ kontra l-Kaptan Claus-Peter Reisch wara li daħal bil-bastiment mgħobbi b’234 persuna li ġew salvati mill-għarqa.

Sea Watch jinsabu maqbudin Malta minħabba investigazzjonijiet skont kelliem għal Transport Malta. Iżda meta mistoqsija Transport Malta ma iddentifikatx liema liġi jew regolamenti qed jiġu miksura mill-bastiment Sea Watch Vessel 3 jew mill-ajruplan Moonbird.

Sea-Eye wkoll għandhom il-bastiment tagħhom maqbud Malta għall-iktar investigazzjonijiet. Iżda bħal Sea Watch, il-kelliem tat-Transport Malta ma speċifikax liema regoli ġew miksura.