Applikazzjoni li ġiet ippubblikata dal-aħħar mill-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi biex il-parti ta’ wara tat-tielet sular taċ-ċentru kummerċjali “City Lights” tinbidel għall-kostruzzjoni ta’ 4 uffiċċji u jiżdiedu mal-applikazzjoni diġa approvata. L-applikazzjoni ġġib in-numru ta’ PA/06562/18 filwaqt li qed tipproponi żieda fuq applikazzjoni li diġà kienet approvata PA/00422/16.

Iżda fuq paġna ta’ Facebook tal-Belt Valletta intqal li s-City Lights se jinbidel f’Boutique Hotel. L-amministraturi tal-paġna talbu lin-nies jgħidu x’jaħsbu u kien hemm diversi opinjonijiet. Min jaħseb li l-belt se tmur aħjar filwaqt li oħrajn jgħidu li l-Belt spiċċat. Kien hemm min ukoll saħaq li l-Belt, bħal ibliet oħra tevolvi maż-żminijiet.

Is-City Lights tinsab fiċ-ċentru tal-Belt, fi Triq San Ġwann b’entratura f’Triq il-Karrijiet u Triq ir-Repubblika. Fit-80ijiet il-post sar ċinema u ċentru kummerċjali. Iċ-ċinema evolviet biex tkun l-unika ċinema għall-adulti f’Malta. Dal-aħħar inbidel f’studjow tal-arti u bar.