Ħames nisa li ntalbu jixhdu fil-Qorti spjegaw x’kien ikun għaddej fil-ħwienet tal-massaġġi li fihom kienu jaħdmu.

Illum erbgħa minn dawn in-nisa ammettew li kienu ħatja li kienu involuti mal-ħidma ta’ burdell u se jiġu deportati lura lejn pajjiżhom.

Huma ntalbu jixhdu flimkien ma’ mara oħra fil-każ tal-Pulizija kontra s-sid tal-ħwienet li fihom kienu jaħdmu. Fix-xhieda tagħhom, tliet nisa mill-Ukrajna u waħda mill-Maldova spegaw li l-imgħallem kellu tliet ħwienet tal-massaġġi. Uħud minnhom kienu jgħixu flimkien mal-imgħallem tagħhom u oħrajn kienu joqgħodu qrib l-ħwienet.

In-nisa spegaw li l-ħwienet kienu jiftħu bejn id-9:00 am u l-10:00 pm. Għal dawk li ma kienux jgħixu fil-qrib, l-imgħallem kien iwassalhom u jiġborhom filgħaxija. Qalu li l-klijenti kienu jħallsu €50 kull wieħed. Dawn kienu jaqsmuhom nofs u nofs fl-aħħar tal-ġurnata mal-imgħallem tagħhom – €25 għalihom u €25 għalih. Kienu jħallsu wkoll €20 kuljum għall-ikel u affarijiet oħra li jkollhom bżonn biex jaħdmu. Semmew affarijiet bħaż-żjut għall-massaġġi u l-kontraċettivi fost oħrajn.

Skont in-nisa kien ikun hemm bejn ħames u 12-il klijent kuljum. Huma kienu jdumu nofs siegħa magħhom.

“Jiġu l-irġiel, jinżgħu l-ħwejjeġ u joqgħodu fuq is-sodda u nibdew bil-massage. Jekk l-irġiel kienu jixtiequ konna anke nagħmlu s-sess. Dejjem konna noqgħodu attenti u nużaw kontraċettivi li kien iġibhom sid il-ħwienet.”

In-nisa qalu li xi klijenti kienu jiġu għal massaġġi biss, pero ftit biss kien ikun hemm minn dawn il-klijenti. Spjegaw li kien hemm ukoll oħrajn li kienu biss jiġu għas-sess. Qalu li kull meta kien ikun hemm bżonn xi ħaġa għall-ħwienet kienu jitkellmu mas-sid. Huwa kien iġibilhom l-ikel darba kuljum. In-nisa qalu wkoll li kienu jaħslu l-ħwienet huma. Uħud min-nisa kellhom ċertifikati relatati mall-massaġġi pero qalu li qatt ma kellhom bżonn juruhom f’Malta. Qalu li kienu jitkellmu mal-klijenti bl-Ingliż. “Imma kulħadd kien ikun jaf għalfejn ġej fis-salon. Huwa evidenti li dawn it-tip ta’ salons mhumiex għall-massaġġi biss.”

Fil-bidu tas-seduta, id-difiża staqsiet jekk il-każ għandux jinstema’ fil-magħluq, però l-Maġistrat qalet li ma taħsibx li dan il-każ se joħloq xi allarm fis-soċjetà.

Ir-raġel qed jiġi akkużat li kien qed jgħix minn fuq qligħ tal-prostituzzjoni ta’ persuni oħra. Ġie akkużat ukoll li kien qed imexxi burdelli li kien  juża’ għal skopijiet immorali.

Sid il-ħwienet, li għandu 30 sena u joqgħod il-Pietà, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet, depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €10,000. Il-ħwienet tiegħu se jkollhom jibqgħu magħluqin sakemm jinstema’ l-każ.