Il-Bank Pilatus sfida lill-Kap ta’ Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u Membru tal-Parlament Ewropew David Casa biex jirrinunċja għall-immunità parlamentari biex b’hekk ikun jista’ jidher quddiem il-Qorti. Għal liema stqarrija Casa wieġeb li mhux se jwaqqfuh it-theddid tal-Bank.

Pilatus Holdings permezz tal-avukati tagħhom DF advocates ħarġu stqarrija li ma ntbgħatitx lil din il-kamra tal-aħbarijiet fejn fiha qalu li Casa ħa sehem f’frame-up elaborat ma’ persuna li l-Qorti ddikkjarat maħruba. Huma kienu qed jirreferu għall-whistleblower u l-eks impjegata tal-bank Maria Efimova. Huma sostnew li l-inkjesta maġisterjali dwar it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant Inc., li fiha l-Maġistrat Aaron Bugeja ma sab l-ebda prova li torbot lill-Prim Ministru Joseph Muscat jew / u l-mara tiegħu Michelle Muscat mal-kumpanija, uriet dan.

Huma sostnew li Casa għamel kampanja fuq il-midja kontra l-Bank u fiha kiteb 50 ittra lil diversi Aġenziji ta’ kontra l-ħasil tal-flus (Financial Intelligence Units). Pilatus Holding saħqu li fl-ittri Casa kiteb li kien hemm evidenza sistematika li sar ħasil tal-flus mill-bank u fi kliemhom ir-rapport tal-inkjesta dwar Egrant turi li dan ma kienx minnu.

Huma temmew l-istqarrija tagħhom billi sfidaw lil Casa biex jirrinunċja għall-immunità parlamentari biex b’hekk ikunu jistgħu ffittxuh fil-Qorti.

Is-sid u direttur tal-Bank Pilatus, l-Iranjan Ali Sadr Hasheminejad, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien arrestat fl-Istati Uniti u qed jiġi mressaq fuq diversi akkużi li għandhom x’jaqsmu mal-ksur tas-sanzjonijiet u ħasil tal-flus. Huwa jista’ jeħel sa 125 sena ħabs jekk jinstab ħati.

“It-theddid tagħkom mhux se jwaqqafni” – Casa

Fl-istqarrija il-Kap tad-Delegazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa qal li theddid tal-Bank li jieħu azzjoni legali mhux se jbeżżgħuh iżda se jkompli b’xogħlu. Huwa osserva kif dak li qal il-Bank Pilatus jirrifletti talbiet simili li saru mill-Partit Laburista biex Casa jittressaq il-Qorti.

Casa kompla jgħid kif l-affarijiet li ntqalu fl-istqarrija tal-Bank Pilatus ma għandhomx x’jaqsmu mat-3% li ġew ippubblikati s’issa mir-rapport tal-injesta Egrant. Iddeskriva li l-istqarrija bħala parti minn sforz koordinat biex igerfex u jiżvijaw in-nies u saħaq li dan l-aġġir huwa perikoluż.

Casa fakkar lil Pilatus dwar Sadr li qed jiġi mressaq fl-Amerika. Huwa saħaq ukoll li r-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil ta’ Flus, FIAU, diġà stabilixxew li l-bank intuża għal ħasil ta’ flus. Fl-istqarrija tagħhom, Pilatus Holding qalu li kienet “media stunt” li rapport ta’ sentejn ilu jintbgħat lill-Awtorità Bankarja Ewropea.

Casa kompla jisħaq li baqa iktar inkjesti maġisterjali li għadt jridu jitlestew dwar is-suġġett. Huwa saħaq li l-Bank Pilatus għamel ħsara lil reputazzjoni ta’ Malta u tas-servizz finanzjarju filwaqt li sa ftit żmien ilu l-Bank tħalla jopera bla tfixkil minkejja l-operat dubjuż tiegħu u dan poġġa s-settur finanzjarju f’riskju.