Il-kumpanija multinazzjonali Samsung ħabbret programm ta’ investiment ta’ $160 biljun fuq tliet snin, bl-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tagħha hekk kif qed tikber il-kompetizzjoni minn rivali Ċiniżi. Dan wara li Samsung Electronics, sussidjarja teknoloġika tal-kumpanija, ħabbret l-ewwel tnaqqis fil-profitti fi kważi sentejn, u b’hekk ħalliet dubji fuq il-prospetti għall-investituri fuq medda itwal ta’ żmien.

Parti minn dan l-investiment, madwar 22 biljun dollaru, se jkun f’teknoloġiji tal-ġenerazzjoni ġdida fosthom intelliġenza artifiċjali, 5G, komponenti tal-elettronika tal-vetturi u biofarmaċewtika. Il-kumpanija se tinvesti wkoll fl-impjanti infrastrutturali tagħha, li mistennija joħolqu madwar 40,000 impjieg ġdid fil-Korea t’Isfel, u ħa tniedi finananzjament speċifiku għal startups esterni.

Filwaqt li Samsung tibqa’ waħda mill-aktar kumpaniji b’saħħithom fid-dinja (is-sena li għaddiet għal xi perjodu kellha profitti saħansitra akbar minn ta’ Apple), hija qed taffaċċja sfidi minn kumpaniji emerġenti Ċiniżi bħala Xiaomi u Huawei.

Dan l-investiment tħabbar ukoll wara pressjoni interna mill-Gvern tal-Korea t’Isfel, f’perjodu ta’ inċertezza ekonomika fejn kien hemm żieda qawwija fil-qagħad fost iż-żgħażagħ. Għall-kumpanija hija wkoll opportunità li terġa’ tibni isimha quddiem il-poplu Korean wara li uffiċjal ewlieni tal-kumpanija nstab ħati f’każ kbir ta’ korruzzjoni s-sena li għaddiet.

Din l-aħbar wasslet għal żieda marġinali fl-ishma tal-kumpanija kif kwotata fuq il-Borża Koreana.