Tfajla ta’ 27 sena li kienet qed tistenna tarbija, tilfet it-tarbija li kienet qed iġġorr, meta lbieraħ kienet passiġġiera f’karozza li ħabtet ma’ trakk fin-Naxxar.

Dan qed jintqal f’rapporti fil-midja, filwaqt li kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li nfetħet inkjesta Maġisterjali dwar l-inċident, minħabba li l-mara kellha kumplikazzjonijiet fit-tqala.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6pm fit-Telgħa t’Alla u Ommu. Minbarra t-tfajla tqila mill-Belarus, li weġġgħet gravi, weġġgħu gravi wkoll mara ta’ 26 sena u tifla ta’ sitt snin. Kollha kienu passiġġieri fil-karozza involuta fil-ħabta.

Il-karozza kienet misjuqa minn raġel mill-Mosta ta’ 36 sena, waqt li t-trakk kien misjuq minn raġel ta’ 55 sena mill-Fgura.