Il-ġurnata ta’ Nickie Vella de Fremeaux bdiet b’messaġġ imqanqal fuq il-profil ta’ Facebook tagħha fejn insistiet li binha qed jiġi eskluż minn festini minħabba missieru li huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-mara tal-Kap tal-PN, Adrian Delia, spjegat kif filwaqt li s-sena l-oħra binha kien qrib ċertu persuni, illum il-ġurnata “qed jiġi eskluż regolarment minn festini.” Fil-messaġġ iddeskriviet kif binha beda jibki u kien f’paniku meta kienet qed issuqu ‘l barra mill-iskola jum minnhom. Spjegat li ppruvat taljenah meta t-tifel ra lil sħabu jidħku fi triqthom lejn il-festin filwaqt li hu kien sejjer id-dar.

Irrimarkat li dawn it-tfal huma ulied persuni li kienu jgħidu li huma ħbieb tagħhom u għaldaqstant qatt ma stennietha minnhom li kienu se jħallu l-partiġġjaniżmu jidħol fir-relazzjoni tagħhom b’dan il-mod, tant li “jkissru ruħ” it-tifel tagħha. Insistiet li binha huwa innoċenti u li qed isofri biss għaliex huwa “il-vittma” tal-għażla li għamel missieru.

Nickie Vella de Fremeaux temmet tgħid li huwa patetiku li f’Malta hemm daqstant mibegħda bejn in-nies li jappoġġjaw liż-żewġ partiti l-kbar.

Dan l-artiklu ġie aġġornat.