L-Assoċjazzjoni Ingliża tad-Dermatologi qed twissi li l-kimiċi li jintużaw fid-dwiefer tal-acrylic u l-gel qed jikkawżaw epidemija ta’ allerġiji madwar l-Ewropa. Jgħidu li mat-2.4% tan-nisa huma allerġiċi għall-kimiċi, magħrufa bħala methacrylates, li jistgħu iwasslu biex id-dwiefer jinqalgħu minn posthom jew inkella raxx jinfirex mal-ġisem.

Jispjegaw li din ir-reazzjoni tista’ tinfirex ma’ kull fejn ikun sar kuntatt bid-dwiefer, fosthom l-għajnejn, il-wiċċ jew il-partijiet intimi tal-persuna. F’każi estremi jista’ jkun hemm nefħa jew problemi ta’ nifs.

L-Assoċjazzjoni tgħid li r-reazzjonijiet allerġiċi jkunu agħar meta persuna tuża kits fid-dar stess, iżda jekk minn jagħmel dan ix-xogħol ma jkunx attent u mħarreġ biżżejjed, dawn il-problemi jistgħu jinqalgħu ukoll fis-salon.

Dr David Orton qal li hu importanti ħafna li n-nies ikunu jafu li jistgħu jiżviluppaw allerġiji mid-dwiefer foloz. Jispjega li hemm każi fejn nisa ma jindunawx li l-allerġija li għandhom f’parti oħra ta’ ġisimhom fil-fatt ġejja mid-dwiefer. Fl-istudju li sar instab li għadd ta’ nail technicians żviluppaw l-allerġija huma stess waqt ix-xogħol tagħhom.

Fuq YouTube, Tina Young turi l-effett ta’ snin twal ta’ gel fuq id-difrejn. Hija turi x’jispiċċa moħbi taħt id-difrejn billi tara difrejha taħt mikroskopju.