L-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat żieda fil-pagi u s-sussidju, kif ukoll naqas is-surplus għall-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan ħareġ mir-rapport finanzjarju għas-sena 2017 li ġie ppreżentat illum fil-Kurja.

Fl-2017, l-Arċidjoċesi rreġistrat tnaqqis ta’ €1.44 miljun fis-surplus nett għal total ta’ €0.37 miljun, mill-€1.81 miljun irreġistrat fl-2016. Dan kien jinkludi wkoll żieda fl-impjegati fl-etitajiet kollha tal-Arċidjoċesi.

Ma’ Newsbook.com.mt, is-Segretarju Ammnistrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross spjega li l-infieq żdied minħabba l-impenn kbir li għandha l-Arċidjoċesi lejn ir-residenti tagħha.

Żieda fir-riżorsi umani

Kien hemm żidiet sinifikanti fir-riżorsi umani fid-djar tal-anzjani, fid-djar tat-tfal, fid-djar tal-persuni b’diżabilità u fil-Kurja tal-Arċisqof. Dawn wasslu għal titjib fis-servizzi mogħtija lir-residenti anzjani u titjib tas-servizzi mogħtija lit-tfal, kif ukoll firxa aktar wiesgħa ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità.

L-Arċidjoċesi ħaddmet 1,209 persuni lajċi, b’883 minnhom fuq bażi full-time. Minbarra dawn l-impjegati lajċi, l-Arċidjoċesi pprovdiet remunerazzjoni lil 262 saċerdot djoċesani.

Żieda fl-ispejjeż operattivi

Kien hemm żieda fl-ispejjeż operattivi marbuta mas-servizzi offruti mill-Arċidjoċesi. Żieda oħra ġiet irreġistrata fl-infiq għar-restawr u l-konservazzjoni fuq il-propjetà u l-opri tal-arti.

It-telf mhux irrealizzat (unrealised losses) fuq l-iskambju minħabba d-dgħufija tad-dollaru Amerikan kontra l-ewro kellu impatt negattiv. Filwaqt li l-ħlass annwali tat-taxxa ammonta għal €1.11 miljun.

Żieda fid-dħul wasslet għal żieda fl-infieq

Iż-żieda fid-dħul ta’ €2.1 miljun ippermettiet żieda fl-infiq. Ġiet irreġistrata żieda ta’ €0.48 miljun fil-ġbir u d-donazzjonijiet mill-pubbliku li għamlet tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul minn ġbir ta’ fondi ta’ €0.22 miljun.

Il-Gvern żied fil-kontribuzzjonijiet tal-Gvern lid-djar tat-tfal u lil Caritas, fost entitajiet oħra, li żdiedu b’€1.13 miljun. Ġiet irreġistrata wkoll żieda mid-dħul mill-miżati tar-residenti fid-djar tal-anzjani b’riżultat tal-ftehim ta’ Sħubija Pubblika Privata (PPP).

Irreġistrat surplus nett wara t-tqassim tas-sussidju

L-Arċidjoċesi rreġistrat surplus nett ta’ €0.89 miljun wara t-tqassim ta’ sussidju u telf mhux irrealizzat fuq l-iskambju.

Is-sussidji żdiedu minn €0.46 miljun fl-2016 għal €0.61 miljun is-sena li għaddiet. Dawn tqassmu lil diversi entitajiet tal-Arċidjoċesi, prinċipalment prinċipalment lid-djar tat-tfal, id-djar tal-anzjani, is-servizzi tal-midja u l-Fondazzjoni għall-Istudji Teoloġiċi.

Min-naħa l-oħra, ġew ikkontrollati l-ispejjeż operativi filwaqt li l-ispejjeż marbuta ma’ xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni żdiedu bi 15% b’riżultat tat-tkomplija ta’ xogħlijiet estensivi mibdija fl-2016 fuq proprjetà tal-Kurja.

Irreġistrata żieda fid-donazzjonijiet

Ġiet irreġistrata wkoll żieda sinifikanti fid-donazzjonijiet, speċifikament mill-kontribuzzjonijiet tan-nies għal proġetti speċifiċi. Id-dħul mill-investiment żdied b’riżultat ta’ dividend ogħla mill-APS Bank.

Tnaqqis fis-surplus minħabba żieda fis-sussidji

Is-Segretarju Ammnistrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, innota li t-tnaqqis fis-surplus kien ukoll riżultat ta’ żieda fis-sussidji lill-entitajiet li jipprovdu servizzi lil nies vulnerabbli fis-soċjetà. Pace Ross qal li kulma jmur aktar persuni qed jagħżlu li jaħdmu mal-Arċidjoċesi u b’hekk tagħmilha possibbli li toffri servizz aktar professjonali.

Ara l-istqarrija sħiħa minn hawn.

Ara r-rapport finanzjarju sħiħ minn hawn.