L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appella għal dawk li sejjaħ bħala weekend breaks ta’ rtir spiritwali.

F’ittra pastorali fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Marija, l-Isqof ta’ Għawdex appella lill-parroċċi, komunitajiet u gruppi biex ifittxu aktar esperjenzi spiritwali li jwieġbu għall-bżonnijiet interjuri tal-bniedem. Filwaqt li semma kif l-awtoritajiet ċivili, l-aġenziji soċjali u s-suq jgħinu lill-bniedem jimla’ l-istonku u bwietu, il-qalb tal-bniedem tistrieħ biss meta ssib lil Alla.

Tkellem dwar is-Sagrament tal-Qrar fejn semma kif jixtieq jara aktar qrar ta’ kwalità, magħmul fil-kwiet u bil-kalma u mhux mgħaġġel waqt il-quddiesa.

L-Isqof Grech sostna li ħafna minn dawk li qed iġarrbu l-baħħ spiritwali huma nies tal-Knisja. Jirreferi fost l-oħrajn għall-festi tas-sajf, fejn qal li jistaqsi jekk l-Insara jafux tassew lil Ġesù. Qal li hemm ir-riskju li anke reliġjużi, saċerdoti jew isqfijiet stess ma jkunux jafu lil Ġesù.

Żied jgħid li r-reliġjon ma tfissirx biss li persuna tixgħel xemgħa biex Alla jaqlagħlha xi grazzja, għax qal li ħafna jirrikorru għand Alla meta jkunu qatgħu qalbhom minn kollox.

Sostna li ħafna huma konvinti li r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla tiddependi minn xi pellegrinaġġ lejn Ta’ Pinu jew sar-Redentur tal-Isla, mill-qima lejn xi statwa jew meta ssir talba għal Sant’Antnin meta jitilfu xi oġġett. Huwa saħaq li dawn id-devozzjonijiet jeħtieġ jiġu msoffija, biex minn relazzjoni kważi maġika ma’ Alla, jgħinu lill-bniedem jibni relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla.

Fl-aħħar nett, l-Isqof Grech esprima wkoll il-biża’ tiegħu li Kristu ma jkunx dejjem fiċ-ċentru tal-ġajja tal-bniedem, la fuq livell individwali u lanqas fuq dak ta’ parroċċi.

Irrefera għall-inizjattivi ta’ restawr li jsiru minn diversi parroċċi, iżda saħaq li r-restawr tal-“ġebel il-ħaj” huwa ħafna aktar urġenti biex il-Knisja tibqa’ dejjem rilevanti għaż-żmenijiet tal-lum.

Velja ta’ talb li saret ilbieraħ fl-okkażjoni tal-festa ta’ Saanta Marija fil-Katidral ta’ Għawdex.