Il-ħanut li Lewis Ludlow kien qed jippjana li jsuq vann għal ġo fih.

L-awtoritajiet tas-sigurtà rnexxielhom jisfrattaw attakk terroristiku kbir li kien pjanat li jseħħ fiċ-ċentru ta’ Londra bil-għan li joqtol mijiet ta’ persuni f’waħda mill-aktar toroq popolari f’din il-belt.

L-awtoritajiet tas-sigurtà rnexxielhom jisfrattaw attakk terroristiku kbir wara li raġel li kkonverta għat-twemmin tal-Istat Iżlamiku ammetta li kien qed jippjana attakk biex joqtol mijiet ta’ persuni f’ħanut ta’ Disney f’Oxford Street.

Lewis Ludlow ta’ 26 sena kien qed jippjana li jsuq vann b’veloċità qawwija f’Oxford Street u jibqa’ dieħel fih fil-ħanut ta’ Disney li hemm f’din it-triq tant imfittxa u rinomata għax-xiri. Huwa kien qed jippjana li jagħmel dan biex juri l-appoġġ tiegħu lejn l-Istat Iżlamiku.

Bejn il-15 ta’ Marzu u d-19 ta’ April huwa xtara mowbajl taħt isem falz u kiteb il-pjan tiegħu fuq karta, liema pjan instab aktar tard imqatta’ fiż-żibel. Huwa għamel riċerka dettaljata sabiex jgħarrex liema postijiet huma l-aktar frekwentati u stateġiċi biex iwettaq attakk li jkun fih numru kbir ta’ vittmi. Riżultat ta’ hekk huwa għażel Oxford Street hekk kif kien maħsub li potenzjalment ikun hemm madwar 100 vittma fl-attakk li kien qed jippjana.

Xellug: Lewis Ludlow, Lemin: Il-pjan terroristiku li nstab fiż-żibel ta’ Ludlow

Ludlow, minn Kent, allegatament beda jippjana dan l-attakk wara li twaqqaf mill-Pulziija fl-ajruport ta’ Heathrow fl-Ingilterra fi Frar li għadda waqt li kien se jirkeb ajruplan biex imur lejn il-Filippini. Kien allegat ukoll li fetaħ paġna fuq Facebook bl-isem ‘Antique Collections’ biex ikun jista jibgħat il-flus bil-moħbi biex jappoġġja t-terroriżmu fix-Xlokk tal-Asja.

Huwa kien mistenni li jitressaq il-Qorti fil-ħarifa fuq żewġ akkużi talli kien qed iħejji atti terroristiċi u talli kien qed jiffinanzja t-terroriżmu, madanakollu huwa ammetta mill-ewwel għal dawn l-akkużi u l-Qorti mistennija toħroġ sentenza fiż-żmien li ġej.