Għidut li ilhom jiċċirkolaw għal xi jiem fl-aħħar ġew konfermati. Kollox jindika li nofs Awwissu, partikolarment f’jum il-festa ta’ Santa Marija, se jkun wieħed mimli xita u maltemp fuq il-Mediterran.

Skont siti internazzjonali l-antiċiklun Afrikan se jtaffi temporanjament hekk kif se tinżel pertubazzjoni b’saħħitha minn fuq l-Atlantiku li se tilħaq l-Italja sa għada t-Tnejn 13 ta’ Awwissu u li se ddum fuqna sa nhar il-Ħamis.

Dan ifisser li minn għada t-temp madwar il-Gżejjer Maltin se jkun wieħed ikkaraterizzat minn sħab, xita u anke maltempati f’ċertu waqtiet. Skont is-sit InMeteo l-iktar li se tkun milquta direttament minn dan it-temp hi l-Italja, hekk kif it-temperaturi mistennija jitbaxxew b’madwar 4 sa 5 gradi celcius.

Il-paġna lokali tat-tbassir tat-temp ‘Aġġornament tat-temp’ ikkonfermat li l-Gżejjer Maltin se kunu mdawwrin b’ħafna maltemp din il-ġimgħa, speċjalment bejn it-Tlieta u l-Ħamis. Skont din il-paġna il-Mediterran se jkun milqut minn maltemp li riesaq minn fuq l-Ingilterra kif ukoll minn fuq Tuneż.

Madanakollu skond din il-paġna ċ-ċentru tal-antiċiklun Afrikan jinsab fuqna u dan se jgħin biex ma tilħaqniex direttament ix-xita fl-aktar festa tant mistennija dan is-sajf. Għalkemm maltemp ta’ dan it-tip ikun pjuttost inċert, jidher li xorta se jaffettwana xi ftit hekk kif skont it-tbassir tal-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher li nhar l-Erbgħa l-jum se jkun msaħħab kawża ta’ dan it-temp li se jiddomina l-Mediterran fil-jiem li ġejjin.

Dan kien konfermat ukoll mill-paġna ‘It-Temp Madwarna’ fejn sostniet li r-roqgħa t’arja kiesħa li din id-darba se tippenetra l-Mediterran minn fuq l-Atlantiku ser terġa’ toħloq xi ftit ta’ temp instabbli l-aktar fuq l-Italja u t-Tuneżija, iżda xi maltempati iżolati jistgħu jilħquna wkoll jew saħansitra jiffurmaw fuq l-art kif esperjenzajna ġimgħa ilu.