Doctors Without Borders (MSF) qalu li jinsabu inkwetati ferm dwar it-38 tifel u tifla li għandhom taħt il-15-il sena, u li jinsabu abbord l-Aquarius ‘il bogħod minn familthom.

Dan qaluh fi tweet fejn spjegaw li l-iżgħar fost dawn it-tfal li jinsabu mingħajr familja għandu 12-il sena. Irrimarkaw li ma jistawx jibdew jimmaġinaw x’raw dawn it-tfal waqt li kienu qed jgħixu fil-Libja.

Fi tweet separata spjegaw li 105 persuni abbord l-Aquarius ġejjin mill-Eritrea u s-Somalja u qed isofri minn malnutrizzjoni. Għal din ir-raġuni, Doctors Without Borders qed jipprovdulhom ikel mimli kaloriji u vitamini sabiex jilħqu r-rekwiżit irrakkomandat ta’ proteina.

L-istess għaqda flimkien ma’ SOS Mediterranee talbu lill-gvernijiet Ewropej u l-awtoritajiet marittimi tagħhom sabiex jiftħu l-port għall-immigranti salvati u jiffaċilitaw l-assistenza fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Intant, ilbieraħ, l-Awtoritajiet Maltin u Taljani qalu li mhux se jħallu li l-141 immigrant abbord Aquarius jidħlu fil-portijiet tagħhom. Il-Gvern Malti qal fi stqarrija li la darba l-ħidma ta’ salvataġġ ma saritx mill-Gvern Malti u la s-salvataġġ sar aktar viċin il-Libja, it-Tuneżija u l-Italja (viċin Lampedusa), ma setgħax jawtorizza li l-bastiment jidħol f’Malta.