Soċjetà Filarmonika Leone

Fil-festa ta’ Santa Marija, Newsbook.com.mt xandar siltiet mill-festa li ġiet iċċelebrata fil-Katidral ta’ Għawdex. Il-filmati xxandru mill-Pjazza tal-Katidral fis-6.30pm waqt il-ħruġ tal-istatwa ta’ Santa Marija mill-Katidral.

Il-programm tal-festa kien dan:

6:45pm Ħruġ Solenni tal-Purċissjoni bl-istatwa devota u artistika ta’ Santa Marija (1896) bis-sehem tal-Kapitlu u Kleru tal-Katidral, Reliġjużi u Seminaristi. Il-Banda Ċittadina Leone ssellem lil Santa Marija bl-innu reliġjuż Warda Sbejħa tar-Rebbiegħa (1992) ta’ Colin Attard u wara tesegwixxi l-Innu Immortali Per La Festa Di Maria Assunta In Cielo (1913) ta’ Orlando Crescimanno, fuq versi tal-Professur Ramiro Barbaro di San Giorgio.

Ħruq tan-nar tal-ajru mill-Vampa Organisations fuq il-Għolja ta’ GelmusIl-Banda Ċittadina Leone takkumpanja l-purċissjoni solenni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi u innijiet marjani.

8:00pm Marċ mill-Banda San Ġużepp (Għajnsielem) mill-każin tal-Banda Leone sal-Pjazza tal-Katidral fejn tesegwixxi programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Frankie
Debono.

8:00pm Programm mużikali mill-Banda Victory (ix-Xagħra) fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk) taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joseph Galea.

10:00pm Spettaklu meraviljuż u singulari tal-logħob tan-nar tal-ajru minn fuq il-Għolja ta’ Gelmus, ikkoordinat mill-Vampa Organisations.

10:30pm Tislima lill-Assunta mill-poplu Għawdxi kollu, flimkien mal-Maltin u l-barranin miġburin fiċ-Ċittadella, fid-dħul solenni u devot tagħha. Isir aux flambeaux u barka ewkaristika fil-Pjazza tal-Katidral. Wara, dħul solenni tal-istatwa ta’ Santa Marija lura fil-Katidral.

11:00pm Marċ tal-aħħar mill-Banda Ċittadina Leone miċ-Ċentru Parrokkjali, madwar Pjazza Indipendenza (it-Tokk), titniżżel l-istatwa ta’ Santa Marija tad-dimostrazzjoni (1956) minn fuq il-pedestall tagħha u lura lejn iċ-Ċentru Parrokkjali li jwassal il-festi esterni ta’ Santa Marija fi tmiemhom.