L-Arċisqof Charles Scicluna temm l-omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema billi tenna li l-vokazzjoni tagħna l-insara hija li nkunu ta’ servizz għall-proxxmu, u dejjem għatxana għall-ġustizzja. L-Arċisqof kien qiegħed imexxi quddiesa konċelebrata fil-Bażilika ta’ Santa Marija fil-Mosta.

Mons. Arċisqof fakkar li Marija kienet tirreferi għaliha nnifisha bħala l-qaddejja tal-Mulej, u li dik hi s-saltna tagħha; is-saltna tal-qadi u tas-servizz, mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja, l-onestà u l-integrità. Fakkar li s-saltna tal-Madonna hija saltna li tieħu ħsieb il-proxxmu, kif għamel Ġesù, il-mexxej, li kien ħasel saqajn l-Appostli u qalilhom li hekk għandhom jagħmlu wkoll għal xulxin.

L-Arċisqof bena l-omelija tiegħu madwar il-kliem li qalet il-Madonna meta stqarret li “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” Huwa spjega kif dan il-kliem iġegħilna naħsbu fil-ġrajja ta’ kif Marija marret tħaffef lejn Eliżabetta, fejn lissnet dan il-kliem.

Ħwejjeġ kbara magħna wkoll

Mons. Scicluna spjega kif is-setgħani, il-Mulej, għamel ħwejjeġ kbar ma’ Marija, fil-mod kif ħarisha mit-taħsir tal-mewt.

“Lilna ħelisna mill-mewt bil-proċess tal-qawma mill-imwiet”, qal l-Arċisqof. “Aħna li mgħaddsin fid-dnub jeħlisna bil-qawwa qaddisa tal-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, imma dan għax aħna li aħna midinbin għandna bżonn ninħelsu. Il-Madonna ġiet imħarsa minflok, imħassra mid-dnub u anka mħarsa mit-taħsir tal-mewt.”

Huwa ssokta jgħid li dan huwa x’qed niċċelebraw meta niċċelebraw Santa Marija. Aħna niċċelebraw il-mod ta’ kif Ġesù, binha li jħobbha tant, reġa’ rxoxtalha ġisimha bħalma rxoxta tiegħu stess, u ħalla l-qabar tagħha vojt, għaliex Marija ġiet merfugħa lejn Alla fil-glorja tas-sema b’mod sħiħ, fil-ġisem u r-ruħ.

Rifless tas-sbuħija ta’ Binha

Mons. Scicluna rrefera għal qari mill-Ktieb tal-Apokalissi, fejn tissemma’ mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u kuruna ta’ 12-il kewkba fuq rasha. Huwa spjega kif dawn huma elementi li nsibuhom fl-istatwa għażiża ta’ Marija Assunta. Issokta jgħid kif binha Ġesù, Alla l-Missier u l-Ispirtu s-Santu, fl-imħabba tagħhom, libbsu lill-Madonna bid-dija tax-xemx. Dan għaliex Ġesù huwa x-xemx, u għalkemm hi mhix Alla, u għalhekk mhix ix-xemx, xorta hija mlibbsa bid-dija ta’ Ġesù. Il-qamar jirrifletti d-dawl tax-xemx, u għalhekk is-sbuħija tagħha hija rifless tas-sbuħija ta’ binha. Il-kuruna ta’ 12-il kewkba tirrapreżenta t-tgħanniqa tal-Knisja mibnija fuq it-12-il kolonna li huma l-Appostli.