Stage and Proms on the Sea 2018

Wara s-suċċess li kisbet il-Gozo Youth Orchestra bil-preżentazzjoni tal-11-il edizzjoni tal-ispettaklu mużikali Opera vs Pop under the Stars fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Lulju, issa jmiss lil Gozo Youth Wind Band li tagħtina x-show Stage and Proms on the Sea nhar it-Tnejn 10 ta’ Settembru 2018 fit-8.30pm fl-Imġarr Marina ix-Xatt. Għadd ta’ mużiċisti żgħażagħ Għawdxin imsaħħa minn xi mużiċisti oħra Maltin u barranin taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr Joseph Grech jinsabu bħalissa għaddejjin bil-preparamenti għal din ir-raba’ edizzjoni ta’ dan l-ispettaklu mużikali li se jkun jinkludi siltiet minn shows li jittellgħu fil-West End ta’ Londra flimkien ma’ ‘entertainment’ ieħor. Kull min jattendi se jkun jista’ jgawdi siltiet u medleys minn Musicals popolari u magħrufa kif ukoll ‘encoures’ klassiċi li jsiru fil-‘Proms Final Night’ fir-Royal Albert Hall fil-belt kapitali tar-Renju Unit.

Il-pubbliku jista’ jattendi u jsegwi bilwieqfa dak kollu li jkun għaddej fl-Imġarr t’Għawdex inkella jagħżel li jibbukkja li joqgħod bilqegħda waqt li jiekol u jixrob waqt l-ispettaklu billi jibbukkja f’dan l-indirizz elettroniku: gozowindbandorchestra@yahoo.co.uk inkella jċempel 79421611/99421611.

Din l-attivita’ qed issir bil-għajnuna sħiħa tal-Gozo NGO Assistance Scheme fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u b’kolloborazzjoni mal-MTA, J. Portelli Projects, Gozo Culture and Information Office, Coca Cola, Visit Gozo u Mġarr Marina.

Iktar ‘l quddiem, imbagħad, sewwa sew il-Gimgħa 30 ta’ Novembru 2018, il-Gozo Youth Orchestra se tkun qed tippreżenta Kunċert Rock u Orkestrali mlaqqam Queen meets Coldplay taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr Joseph Grech fl-MCC Theatre Valletta bis-sehem ta’ ‘Cash and Band’ u ‘Killer Queen Band’. Jieħdu sehem s-solisti Ludwig Galea, Neville Refalo, Chris Grech u Dorothy Bezzina.

Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex