Mark Warner

Il-kbir Freddie Mercury seta’ kellu ‘l Malta u Għawdex f’moħħu meta kanta l-lirika ta’ Bohemian Rhapsody: ‘Thunderbolt and lightning, very very frightening’

Leon Xuereb

Ragħad qawwi nstema’ f’ħafna partijiet tal-Gżejjer Maltin u kien hemm ix-xita f’diversi lokalitajiet, inkluż fix-Xwejni, Valletta u Madliena nhar l-Erbgħa.

Skont il-paġna ta’ Facebook MaltaWeather.com, it-temp huwa r-riżultat ta’ ġabra ta’ arja kiesħa staġnata madwar il-Gżejjer Maltin minħabba pressjoni baxxa iktar il-fuq fl-atmosfera.

“Dan jikkuntrasta mat-temperatura sħuna ħafna tal-baħar u għen biex iġġenera instabbiltà,” kelliem qal lil Newsbook.com.mt.

Skont il-paġna ta’ Facebook MaltaWeather.com, it-temp madwar iċ-ċentru tal-Mediterran qed ikun iddominat minn instabbilità. Din qed tkun ikkaġunata minn ‘cold pool’ li żammet ruħha kważi stazzjonarja fuq l-Istrett ta’ Sqallija. Din il-cold pool iffurmat permezz ta’ arja kiesħa fil-livelli għoljin tal-atmosfera li rnexxielha tippenetra r-reġjun tagħna minn fuq l-Atlantiku. Din l-arja kiesħa ġiet stabbilita fuq arja sħuna lokali.

Ray Biagio Pace

“Din, flimkien ma’ baħar sħun ħafna, waslet biex f’dawn l-inħawi tal-Mediterran ikollna konvezzjoni qawwija. Din wasslet għal-iżvilupp ta’ diversi ħalbiet iżolati tax-xita u maltempati bir-ragħad. L-aktar qawwija minn dawn ħakmet il-Gżejjer Maltin illum. Total ta’ madwar 20 mm kienu mkejla fil-lokalitajiet l-aktar milquta fin-nofsinhar ta’ Għawdex u t-tramuntana ta’ Malta. Iċ-ċans ta’ aktar maltempati bir-ragħad iżolati se jippersisti sa minn tal-anqas nhar is-Sibt, hekk kif din il-cold pool se tkun qed tiġi sostnuta minn arja kiesħa minn fuq l-Atlantiku,” kelliem qal lil Newsbook.com.mt.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom, ir-Red Cross Malta ddikkjara li minħabba dawn il-kundizzjonijiet tat-temp diversi bajjiet qed itajjru bandier ħamra doppja. Huma javżaw biex jigi evitat l-għawm f’dawn l-inħawi minħabba l-possibilità tas-sajjetti fuq il-baħar li jistgħu jkunu perikolużi ħafna, u anke letali.