Żbalji ċekkijiet tal-Gvern Ministeru taxxa

Wara li aktar kmieni llum kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qal li hemm min qed jirċievi ċ-ċekkijiet tal-Gvern, li qed jagħtu lura lill-poplu Malti ftit mill-ispiża tat-taxxa, bin-numru tal-karta tal-identità miktub ħażin, kelliem għall-Ministeru qal ma’ Newsbook.com.mt li jista’ jkun hemm min qed jipprova jagħmel il-ħsara u dan ma jkunx minnu.

Il-miżura tat-“tax refund” tħabbret il-ġimgħa l-oħra mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna. Hi mmirata għal dawk in-nies li għandhom dħul inqas minn €60,000 fis-sena u se tiswa l-Gvern €11.4 miljun. Kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi kien spjega li ċ-ċekkijiet għandhom jiġu mqassma kollha sas-7 ta’ Settembru.

Ivan Castillo, li huwa kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’isem il-Partit Nazzjonalista qal fuq Facebook li kien hemm għadd ta’ nies li rċevew iċ-ċekkijiet tagħhom b’numru tal-identità ħażin. Spjega li l-awtoritajiet hemm bżonn li jinvetigaw dawn l-ineżattezzi.

Min-naħa l-oħra, il-kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi insista ma’ Newsbook.com.mt li jista’ jkun li kien żball tal-persuna li kellha tirċievi ċ-ċekk għax tkun daħħlet informazzjoni ħażina u mhux żball tad-dipartiment. Irrimarka li fuq Facebook kulħadd jista’ u kapaċi jgħid li jrid, anke jekk tkun gidba, bl-intenzjoni li jagħmel il-ħsara. Sostna li mhux jeskludi li ma jkunx hemm min irċieva xi ċekk żbaljat imma safrattant jista’ jkun li jkun hemm nuqqas ta’ informazzjoni għax wieħed ikun biddel id-dettalji tiegħu, bħall-indirizz u ma javżax lid-Dipartiment.

Castillo jżomm ma’ dak li kiteb

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, Ivan Castillo tkellem ma’ Newsbook.com.mt biex jerġa’ jikkonferma li xi persuni urewh iċ-ċekkijiet tagħhom b’numru tal-karta tal-identità li ma kinitx tagħhom.

Mill-post tiegħu fuq Facebook, jidher li persuna kitbet fil-kummenti biex tgħid li hi ukoll irċeviet ċekk bid-dettalji ma jaqblux.