atm serqa

Fil-Qorti llum dehru żewġ irġiel li ppruvaw jisirqu żewġ ATMs f’każijiet differenti, u nżammu arrestati.

Raġel ta’ 32 sena minn San Pawl il-Baħar u ieħor ta’ 46 sena minn San Ġwann ġew akkużati li ppruvaw jisirqu żewġ ATMs fl-10 u fid-29 t’Awwissu, f’San Pawl il-Baħar u fil-Qawra rispettivament. Kienu akkużati wkoll li serqu pjanċa ta’ vettura, li saqu mingħajr assikurazzjoni u mingħajr liċenzja valida, u li huma reċidivi.

Il-Qorti semgħet kif fid-29 t’Awwissu, iż-żewġ irġiel mgħammda ppruvaw jisirqu ATM billi jġebbduha b’katini, iżda ma rnexxilhomx. Il-Pulizija kienu diġà qed jinvestigaw lir-raġel ta’ 32 sena fuq affarijiet oħra.

Huma u jfittxu fid-dar tiegħu, innutaw vann li kien l-istess wieħed li ntuża fl-attentat ta’ serqa tal-ATM, skont ma deher fuq il-filmat tal-kamera tas-sigurtà.

Fil-vann instabu l-katini u l-balaklavi użati.

Ir-raġel ta’ 32 sena ammetta għall-involviment tiegħu fil-każ. Il-Pulziija rċeviet informazzjoni li l-persuna kompliċi aktarx kienet l-akkużat l-ieħor, li wara, ammetta wkoll.

X’aktarx, dawn iż-żewġ akkużati, kienu wara attentat ta’ serqa ta’ ATM oħra fl-10 t’Awwissu minn San Pawl il-Baħar stess.