Tabib ibbażat fl-Għarabja Sawdija ressaq il-qorti lill-amministratur ta’ grupp fuq WhatsApp u allega li dan ħlielu l-ħin b’messaġġi bla bżonn li bagħtlu. Skopra li ġie miżjud fil-grupp onlajn meta wasal lura mill-Hajj, iż-żjara annwali tal-Musulmani f’Mekka.

Ir-raġel, li ismu ma xxandarx, qal li baqa’ jirċievi għadd ta’ messaġġi bla sens li bdew jaħlulu l-ħin. Iżda minflok qabad u telaq mill-grupp, it-tabib għażel li juża iktar ħin billi jiftaħ kawża fil-qorti. Esperti legali fil-pajjiżi qalu li wisq probabbli l-Qorti tarmi l-kawża ‘l barra. “Jekk ma jagħtix prova li sofra minn xi ħaġa negattiva riżultat tal-messaġġi li rċieva, il-maġistrat jista’ jwarrab il-każ.

Fid-diskussjoni onlajn, kien hemm min staqsa kif ma kellux ċans għall-messaġġi imma sab ħin jiftaħ il-kawża u oħrajn staqsew kif ma qabadx u telaq mill-grupp b’għafsa sempliċi ta’ buttuna.