Il-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien ma’ Wirt Għawdex appellaw mill-ġdid lill-Awtorità tal-Ippjanar u  lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jerġgħu jikkunsidraw il-permess li ngħata biex jinfetħu aperturi li jagħtu għal fuq il-foss taċ-Ċittadella.

Fi stqarrija li ħarġet Wirt Għawdex, qalet li japprezzaw il-fatt li l-ħajt li ċeda qed jerġa jinben mill-ġdid, iżda huma diżappuntati għall-fatt li jidher li l-pjan li jinfetħu żewġt itwieqi u bieb baqa’ l-istess. Hija biss l-Awtorità tal-Artijiet li tista’ tippreżenta oġġezzjoni kontra dawn l-aperturi hekk kif il-foss huwa tal-Gvern.

Wirt Għawdex, fuq il-paġna tagħha ta’ facebook qalet li huma għadhom qed jittamaw li l-awtoritajiet jerġgħu jikkunsidraw il-permess u jagħmlu l-emendi neċessarji biex jeliminiaw il-problemi speċjalment issa li s-sit hu propost li jkun parti mll-UNESCO World Heritage Site.