Waħda mill-attivisti li poġġiet il-fjuri u xemgħat quddiem fejn kien hemm il-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, spiċċat mhedda minn anzjan li ħa l-mowbajl ta’ attivista oħra. Skont sorsi r-raġel qal lill-mara “dak in-nuċċali nkissirhulek f’għajnejk”. 

Filmat li tpoġġa fuq Facebook mill-kunsillier tal-Partit Laburista Ray Azzopardi juri lir-raġel jgħajjat ma’ mara li kienet qiegħda ma’ attivisti oħra jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat. Fil-filmat jidher raġel jieħu l-mowbajl tal-mara wara li dan beda jgħajjat magħha għax kienet ħaditlu r-ritratt. Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li l-mara għaddiet minn spazju li kien hemm fejn il-barriers u poġġiet xi fjuri u xemgħat. Xi rġiel li kien hemm bilqiegħda fuq mejda viċin bdew jgħajtu u jgħidulha li se tkun qed tagħmilhom għalxejn għax se jneħħu kollox.

Skont is-sorsi, madwar tmien Pulizija marru fuq il-post biex jaraw x’kien qed jiġri hekk kif inġemgħu n-nies biex isegwu.

Fil-filmat jidhru l-attivisti kalmi minkejja l-għajat u l-provokazzjoni. Ir-raġel li provokahom jidher ixejjer lill-pulizija u jgħidlu “Ejja ‘l hawn ħi, għax din trid iġġibni fl-inkwiet!” Filwaqt li r-raġel jirrakkonta n-naħa tiegħu tal-istorja xi ħadd mill-ġemgħa beda jgħajjat “data protection act” filwaqt li ħadilhom ir-ritratti huwa stess. Ir-raġel gerger għax bdiet tirrekordjah, minkejja li hu mifhum li l-filmat li qed idur fuq il-midja soċjali ma tteħidx mill-attivisti.

Il-Pulizija jidher jispjega lill-attivisti li l-barriers qegħdin hemm biex ma jinqabżux filwaqt li waħda mill-attivisti tgħidlu li kienu mbexxqa u għalhekk għaddew. In-nies fil-ġemgħa jinstemgħu jgħidu “ħa jerġgħu jibdew bil-fjuri”; “ħa jqabbduh dan id-drapp”. Oħrajn stiednu lill-Pulizija jtellgħuhom bħala xhud.