Suċċess ieħor għas-sewwieq tal-Karting Gianluca Dingli fit-trakka internazzjonali ta’ Adria fin-naħa ta’ fuq tal-Italja matul il-finali tat-Tazza Nazzjonali Rok tal-2018. Il-finali nżammu bejn is-7 u d-9 ta ‘dan ix-xahar.

Is-sewwieq Taljan Cardinali mexxa l-grupp fl-istadju bikri tar-round iżda aktar tard waqt it-tiġrijiet ta prattika, is-Sewwieq Pollakk Szczurek spiċċa fl-ewwel pożizzjoni. Fl-istess ħin Dingli juri prestazzjoni eċċellenti, sabiex il-Malti rnexxielu jikseb t-tielet post qabel is-sewwieqa Taljani Cicognini u Russo. Għal darb’oħra Gianluca Dingli qiegħed f’pożizzjoni ġdida fejn l-ewwel darba li sewwieq Malti wasal fiha.

Intant, ilbieraħ fit-trakka ta’ Santa Pod fl-Ingilterra sar il-finali tal-kampjonat Ewropew tad-Drag Racing organizzat mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Awtomobiliżmu. F’dan il-kampjonat ikkompeta l-eks champion Malti Duncan Micallef fejn għalkemm għamel minn kollox biex jiddefendi t-titlu tiegħu, ir-rizultat ma wasalx.

Fil-kwarti tal finali, Micallef iltaqa’ ma’ Antti Horto f’dik li kellha tkun l-aħħar tellieqa għal Micallef fil-kampjonat għax ġie eliminat. Antti Horto tilef is-semifinali meta ltaqa’ ma’ Jndia Erbacher. Fil-finali Erbacher iltaqgħet mal-Finlandiża Anita Makela, fejn Makela ħarġet rebbieħa u b’hekk rebħet ukoll is-sitt round wara li aktar kmieni matematikament kienet digà rebħet il-kampjonat.

Fit-tielet post tal-kampjonat hemm Urs Erbacher tal-Iżvizzera, fit-tieni post Antti Horto u fl-ewwel post Anita Makela, it-tnejn mill-Finlandja. Anita Makela żaret Malta s-sena li għaddiet, wara stedina tal-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport fejn kienet attendiet il-Motors Inc. Malta Motorsports Awards.