Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista offra li jipprova jiltaqa’ llum mal-kaptan Claus Peter Reisch tal-bastiment MV Lifeline li jsalva lin-nies.

Delia qal dan lil Reisch quddiem il-ġurnalisti fil-Belt Valletta dalgħodu. Delia offra li jipprova jiltaqa’ mal-kaptan  tal-bastiment MV Lifeline Claus Peter Reisch li reġa’ ġie Malta għalxejn hekk kif il-każ spiċċa ma kompliex jinstema’ quddiem il-Qorti.  Il-Kaptan qed jiffaċja akkużi li meta salva daqs 235 ħajja fil-baħar Mediterran, għamel dan mingħajr ir-reġistrazzjoni meħtieġa biex juża l-bastiment tiegħu b’dan il mod.

Skont Delia, kull għaqda rreġistrata għandha d-dritt fundamentali li tipprova ssalva nies kemm tiflaħ. Mal-ġurnalisti Delia qal li l-għaqdiet għandhom jitħallew jaħdmu sakemm ikunu qed isegwu l-liġijiet internazzjonali. Żied jgħid li huwa “obbligu morali” tal-pajjiżi li jsalvaw lin-nies li jkunu qed imutu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħlaq l-aħħar rotta li l-Libjani u r-refuġjati jistgħu jużaw biex jaħarbu mill-vjolenza skont l-għaqda Sea-Watch. Fi stqarrija, l-għaqda li ssalva lill-immigranti qalet li filwaqt li d-diplomatiċi fil-Libja qed jiġu evaktawi minn fuq il-baħar, ir-refuġjati li qed jaħarbu l-gwerra u l-vjolenza ġew abbandunati.

Dalgħodu l-għaqdiet tat-tfittxija u salvataġġ ċivili Mission Lifeline u SeaWatch ħadu sehem f’azzjoni simbolika fil-Belt li kienet tinvolvi l-għotja tas-sentenzi lil diversi mexxejja Ewropej. L-attivisti libsu maskri tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini, il-Prim Ministru tal-Ungerija Victor Orban, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz, u l-Ministru tal-Intern Ġermaniż Horst Seehofer. Il-“mexxejja politiċi” kellhom idejhom immantejati u żebgħa ħamra simbolika għad-demm.

Filmat: Miguela Xuereb