F’diskors li għamlet il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola waqt id-diskussjoni dwar l-Ungerija fil-preżenza tal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban hija sejħet għall-protezzjoni tal-valuri Ewropej.

EP Plenary session – The situation in Hungary

Metsola kkundanat il-politika ta’ bla valuri, u attakkat il-populiżmu billi sejħet lill-politiċi biex “jagħżlu l-politika tat-tama fuq il-politika tal-biżà u l-populiżmu.”

Hija saħqet li “l-istil Ewropew ta’ libertà, ta’ kompassjoni, ta’ ugwaljanza, tas-saltna tad-dritt, tal-libertà tal-ħsieb, tal-libertà li wieħed imur minn post għall-ieħor, tal-libertà tal-media, li niproteġu l-minoritajiet, huma simbolu globali ta’ kuraġġ kbir”.

L-MEP Metsola sostniet li “it-test ta’ pajjiż Ewropew hu kif jiproteġi u jrawwem dawn il-valuri.”

Il-President Ungeriż Viktor Orban tkellem quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej aktar kmieni hekk kif kienu qed jiddiskutu jekk jattivawx Artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artiklu jipprovdi mekkaniżmu biex l-Ewropa tinforza l-valuri tagħha fuq xi pajjiż membru jekk dan ma jkunx qed isegwi l-liġijiet kif imniżżla fit-Trattat.

Il-vot dwar din ir-reżoluzzjoni huwa mistenni għal għada l-Erbgħa waranofsinhar wara d-diskors State of the Union tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.