“Qabduni ostaġġ ir-ribelli. Lili u lil saċerdot ieħor min Guam. Fil-lejl tat-12 ta’ Lulju 1987 daħlu fuqna r-ribelli favur l-indipendenza. Għamilna xahrejn nimxu. Kien żmien ta’ tbatija kbira”.

Hekk irrakkonta l-Ġiżwita Malti Patri Joseph Pullicino lil Sylvana Debono waqt intervista fuq RTK 103FM. Fr Joseph ilu fil-missjoni barra minn Malta mill-1979, ħadem it-Tanżanija jgħallem fis-seminarju, imbagħad fis-Sudan, iż-Żambja u ż-Żaire, is-Sudan u l-Etjopja. Kull sentejn, jiġi Malta għal sitt ġimgħat.

Fr Joseph irrakkonta kif meta kien is-Sudan, kien hemm it-taqlib fin-naħa t’isfel bi gruppi armati jiġġieldu għall-indipendenza u l-Ġiżwiti ħasbu li kienu bogħod mill-inkwiet. Dan sakemm fit-12 ta’ Lulju 1987, ir-ribelli ġew bil-lejl u Fr Joseph inqabad ostaġġ. Bdew mixjin għal xahrejn sħaħ biex jaslu mal-fruntiera biex jirċievu l-armi, tul il-vjaġġ batew il-ġuħ b’xi ġranet ħadu biss ftit tè u ftit karawett u riedu jkomplu jimxu fix-xita u fix-xemx.

“Ma kinux se jweġġgħuna għax ħafna kienu Insara bħalna, ħatfuna magħhom biex jgħaddu messaġġ lill-Gvern ta’ dak iż-żmien, jgħid Fr Joseph. Qal li libes l-istess qmis u qalziet li kellu, bla ma qaxxar il-leħja, kienet esperjenza ta’ solidarjetà mal-poplu Sudaniż. Qal li wara xahar jimxu ngħaqad magħhom saċerdot ieħor u jgħid li din kienet esperjenza wkoll ta’ fidi u talb u kien hemm mument fejn kien kważi miet mid-deni tal-malarja. Jgħid li kien iħares lejn il-kostellazzjoni tas-salib t’isfel u jitlob magħha.

Il-Knisja rispettata ħafna

Fr Joseph jgħid li l-Gvernijiet tal-pajjiż baqgħu jirrispettaw il-Knisja Kattolika għax, għalkemm f’minoranza ta’ madwar 1% tal-popolazzjoni, il-Knisja qiegħda hemm f’mumenti ta’ bżonn u dejjem lesta li taqdi lil kulħadd. Jgħid li meta fil-pajjiż kien hemm il-ġuħ fl-1984, kienu l-Kattoliċi l-ewwel li qassmu l-frott, l-ilma u l-mediċini.

Huwa jispjega li s-sitwazzjoni fl-Etjopja hija differenti ħafna mill-passat. “Bħalissa hemm biżżejjed ikel bil-gvernijiet dan l-aħħar għoxrin sena għamlu l-almu tagħhom biex ikun hemm il-food banks,” jispjega Fr Joseph li jkompli dwar kif meta jkun hemm nuqqas ta’ xita, ikun hemm allarm kmieni biżżejjed biex jintbagħat l-ikel f’dak il-post. Qal li l-problema fil-pajjiż hija n-nuqqas ta’ trasport biex jitwasslu r-riżorsi.

Filwaqt li normalment nassoċjaw l-Etjopja ma’ ħafna sħana, Fr Joseph jispjega li fejn jinsab hu huwa post frisk għax jinsab f’għoli ta’ madwar 1,200 metru, b’temperatura ta’ madwar 24 grad is-sena kollha. Hemm żewġ staġuni tax-xita – ix-xita t-twila bejn Ġunju u nofs Settembru u x-xita l-qasira għal xi sitt ġimgħat bejn Frar u Marzu. Jgħid li x-xita hi nieqsa u fl-aħħar tliet snin ma tantx għamlet xita.

“Aħna ma nippruvawx inbiddlu t-tribu jew il-kultura”

Fr Joseph jispjega li l-missjunarji ma jippruvawx ibiddlu t-tribu ̀jew il-kultura imma jippruvaw ilaqqgħu l-persuna partikolari mal-valuri ta’ Kristu u l-Vanġelu, fosthom bil-messaġġ ta’ Ħobb lill-għedewwa bħalek innifsek. Meta xi ħadd jistaqsi l-Knisja x’tista’ tgħallem, il-missjunarji jwieġbu li huma mhux qegħdin hemm biex jgħallmu imma biex flimkien jaqdu lill-poplu, sew fit-tagħlim tal-Vanġelu u fl-iżvilupp tal-iskejjel, kliniċi u sptarijiet.

Jirrakkonta kif il-kwistjoni tat-tribaliżmu fl-Etjopja għadha kbira, filfatt hemm madwar 88 tribu differenti, b’sitta jew seba’ huma l-ikbar fosthom. Fr Joseph jispjega li biex tegħleb it-tribaliżmu hemm bżonn ta’ iktar edukazzjoni, fejn kulħadd jitgħallem flimkien biex jirrispettaw lil xulxin bhala pajjiż Etjopjan milli skont il-kultura tal-persuna nnifisha. Jgħid li t-tribaliżmu huwa forma ta’ inċertezza u bħalissa hemm modi ta’ tribaliżmu instigati minn barra għal skopijiet oħra. “Il-kultura tribali hija l-familja li għandha ħafna valuri – fosthom għaż-żwiġijiet u l-funerali. It-tribu mhux negattiv imma negattiv meta jintuża bhala arma”.

Qed isir bini mill-ġdid f’post ta’ rtiri

Fr Joseph jispjega l-ħidma li ssir fil-Galilee Centre, post ta’ rtiri u dixxerniment għas-saċerdoti u r-reliġjużi u nies oħra ta’ kull fidi li jridu esperjenza Kattolika. Jgħid li l-post inbena fl-1960 u issa hemm bżonn li jitwaqqa’ xi bini antik tal-injam u jinbena mill-ġdid. Mat-3,000 persuna jżuru l-post kull sena. Fi Frar waqqgħu blokk ta’ erbat ikmamar biex jinbnew 12-il kamra.

Jekk tixtieq tgħin lil Fr Joseph Pullicino fil-missjoni tiegħu:

Galilee Centre, Debre Zeit, Ethiopia

Kuntatt f’Malta: Fr John Scicluna S.J. Tel: 79412606

Bank of Valletta, Account Name: Jesuit Missions, Account No. 16310426012; IBAN No. MT72VALL22013000000016310426012; Shift: VALLMTMT.

Fr Joseph Pullicino S.J.

Email: joepul851@gmail.com jew galileedzeit@gmail.com

Tel: Malta: 79623478

Etjopja: 00 251 91 407201; 00251 433 9539

Posta: Fr Joseph Pullicino S.J.

Galilee Centre, PO Box 1399, Debre Zeit ETHIOPIA