Minkejja li s-swat fuq it-tfal ilu xi ħaġa li bosta jitkellmu kontriha, ħafna jidher li jaċċettaw li l-ġenituri jgħajjtu mat-tfal tagħhom jekk jagħmlu xi ħaġa ħażina. Madanakollu l-għajjat mat-tfal ħafna drabi jagħmel iktar deni milli ġid.

Skont riċerka ppubblikata f’The Journal of Child Development, djar fejn il-ġenituri ta’ spiss jgħajjtu ma’ wliedhom jidher li t-tfal jikbru f’self-esteem baxx ħafna u f’riskju akbar ta’ dipressjoni. Mir-riċerka, l-għajjat jidher li jagħmel ħsara simili għas-swat, jiġifieri jżid l-ansjetà, l-istress u d-dipressjoni, kif ukoll jitfa’ t-tfal f’riskju akbar li jiżviluppaw problemi fl-aġir tagħhom.

Ir-riċerka tispjega li l-għajjat ma jagħmilx lill-ġenituri jidhru bħala awtorità, imma f’għajnejn it-tfal, il-ġenituri jidhru qishom tilfu l-kontroll u saħansitra ġġiegħel persuna tidher dgħajfa, hekk kif l-għajjat huwa mod kif wieħed jirrispondi meta ma jafx kif għandu jirreaġixxi għal xi ħaġa.

Ovvjament, dan ma jirreferix għal meta wieħed jgħajjat sabiex iwaqqaf lit-tfal milli joħorġu jiġru ġo nofs it-triq, imma għall-għajjat bħala mod kif tikkoreġi lit-tfal, bħal pereżempju meta tgħidilhom biex ineħħu l-ħwejjeġ, jew imorru jieklu, jew biex ma jiġġildux ma’ ħuthom, fost oħrajn. Jekk l-għan huwa li tiżviluppa aġir pożittiv fit-tfal, ma tistax tagħmel dan billi tuża aġir negattiv bħall-għajjat.

Skont tabib li jippromwovi programm bl-isem ta’ ABCs, spjega li l-programm jissielet sabiex il-ġenituri jitgħallmu jitolbu lill-uliedhom biex jagħmlu xi ħaġa qabel ma suppost għandhom jagħmluha. Per eżempju, jekk trid li kull meta jaslu mill-iskola, ż-żarbun jagħmluh ħdejn il-bieb ta’ barra, tgħidilhom biex jagħmlu dan, b’mod prudenti, qabel ma jitilqu għall-iskola. B’hekk huma jkunu jafu inti x’qed tistenna minnhom malli jiġu lura d-dar. Jispjega li inti stess trid issegwi dawn ir-regoli u għalhekk malli inti tasal id-dar għandek tagħmel l-istess ħaġa li qed titlob lil uliedek, hekk kif jgħid il-Malti, l-eżempju jkaxkar. Sostna li jekk malli jiġu lura mill-iskola jagħmlu dak li tlabthom jagħmlu għandek tfaħħarhom ta’ dan, li jwassal sabiex jerġgħu jagħmluha darboħra.