Reuters

Teknoloġiji ġodda fl-analiżi tad-DNA qed tgħin sabiex jiġu identifikati aktar vittmi li tilfu ħajjithom fl-attakk li seħħ bħal-lum 17-il sena ilu fuq it-Twin Towers fi New York. Madanakollu dan l-avvanz xjentifiku jidher li mhux qed joffri konsolazzjoni lill-familji li l-fdalijiet ta’ qrabathom jinstabu midfunin fi Staten Island.

L-għadd totali aħħar ta’ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-attakk fuq il-World Trade Centre huwa dak ta’ 2,753. Dan jinkludi l-persuni li qatt ma nstabu jew li qed jingħad li tilfu ħajjithom. Minn dan in-numru, kienu biss 1,642 persuna li ġew identifikati, jiġifieri 60% tal-vittmi.

In-New York City Medical Examiner’s Office ħadem għall-aħħar 17-il sena sabiex jidentifika l-bqija tal-vittmi. Bl-avvanzi fit-teknika tal-estrazzjoni tad-DNA, matul l-aħħar ħames snin irnexxielu jidentifika ħames vittmi oħrajn.

Il-familji spjegaw li jinsabu mbikkma kif Staten Island, il-post fejn kien intrema ħafna mit-tifrik tal-attakk, li jista’ jkun fih ukoll għadd kbir minn dawn il-vittmi li qatt ma nstabu, inbidel f’park. Irrimarkaw li filwaqt li huma grati għall-fatt li l-identifikazzjoni tal-vittmi għadha għaddejja, il-materjal midfun fi Staten Island li seta’ jgħin għal aktar identifikazzjonijiet issa m’hemmx tama għalih.