Raġel li kien “mormi” minn martu, abbużat u li spiċċa jgħix barra kien lest li jtemm ħajtu iżda bl-intervenzjoni ta’ tim li kien attrezzat b’dak kollu li jista’ jiġi bżonn tim li jintervjeni fi kriżijiet ta’ attentat ta’ suwiċidju, ġie salvat. Dan irrakkuntah ma’ Newsbook.com.mt Dr Mark Xuereb, il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta wara konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-jum iddedikat għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.

Dr Xuereb irrakkonta kif dan ir-raġel Ingliż, li ltaqa’ miegħu meta kien qed jaħdem fi ħdan crisis team fl-Ingilterra, kellu arma tan-nar u ċempel għall-għajnuna għax kien lest li jpoġġi lilu nnifsu f’periklu. Spjega li r-raġel irrakkuntalu kif għamel ħajtu jgħix miżerja wara l-oħra u issa spiċċa b’xejn. irrakkonta kif f’dak il-mument, ħarġu għalih b’ambulanza speċjalizzata, li jgħidulha crisis response vehicle, u flimkien mal-Pulizija rnexxielhom isalvawh.

Sostna li dan ir-raġel ġie salvat f’ħinu hekk kif kien hemm tim li kellu dak kollu li għandu bżonn biex jopera b’mod effiċjenti u immedjat. Irrimarka li issa hemm bżonn li dan il-pass jittieħed Malta wkoll u insista li hemm bżonn li ssir il-qabża mill-kliem għall-fatti.

“Kulħadd jista’ jkun parti mit-tim ta’ Crisis Resolution Malta”

Ma’ Newsbook.com.mt Dr Xuereb spjega li kulħadd jista’ jkun parti mit-tim ta’ Crisis Resolution Malta billi jew jisma’ lil xi ħadd li forsi jkun għaddej minn żmien diffiċli u jxerred in-numru 99339966 sabiex min ikollu bżonn is-servizz ta’ appoġġ b’xejn offrut 24 siegħa kuljum, ikun jista’ jagħmel użu minnu immedjatament, u qabel ma jkun tard wisq.

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

1. Il-burdata tinbidel.

2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.

3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.

4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.