M’għadx baqa’ pendenzi dwar il-ftehim kollettiv bejn l-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-Aġenzija Sapport, skont is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità, għall-kuntrarju ta’ li qalet il-UĦM.

Is-Segretarjat kompla jgħid li l-pendenzi li kien fadal ġew riżolti f’laqgħa twila minn Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Familja, li saret nhar il-Ġimgħa li għadda. Minn din il-laqgħa jidher li fadal biss kwistjoni waħda li ma ntlaħaqx ftehim fuqha.

Fl-istqarrija, is-Segretarjat jisħaq li f’laqgħa li saret nhar it-Tnejn li għadda, l-UĦM baqgħet tinsisti fuq il-proposta li kien fadal.

Skont is-Segretarjat għall-Familja, l-argumenti tal-UĦM huma bbażati fuq “kwistjoni żgħira” imma taf twassal għal diżgwid bejn il-ħaddiema, u b’hekk għal tbatija fuq nies b’diżabilità.

Is-Segretarjat għall-Persuni b’Diżabilità appella lill-Unjin Ħaddiema Magħqudin biex twaqqaf l-azzjonijiet industrijali u tiffirma l-ftehim kollettiv ta’ bejniethom, għax jekk le, tkun qed tikkawża “tbatija żejda u bla bżonn” fuq persuni b’diżabilità.