ANSA/FRANCESCO RUTA

Il-Gvern Malti sostna li l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte gideb meta provda kummenti skorretti fir-rapport tiegħu dwar il-każ ta’ Diciotti waqt il-35 Seduta Pubblika tas-Senat li saret aktar kmieni llum.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti rrepeta li fil-każ ta’ Diciotti, il-Gvern Taljan kien responsabbli mill-immigranti skont il-liġijiet internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.

Conte qal li Malta kellha tieħu responsabbiltà ta’ bastiment b’171 immigrant abbord li salvat l-Italja x-xahar li għadda.

Iżda skont il-Gvern Malti, l-Italja għandha tieħu r-responsabbiltà kollha tal-bastiment. Il-Gvern qal li l-għajnuna tiegħu ġiet rifjutata, u ma setax jinterċetta l-bastiment, iżda baqa’ jsegwih.

Il-Gvern qal li l-eqreb port sigur kien dak ta’ Lampedusa, u jekk il-Gvern Taljan iddeċieda li Lampedusa ma kinitx se toffri sigurtà għall-immigranti, jeħtieġlu jerfa’ r-responsabbiltà u jsib alternattiva.