Psikologi fl-iskejjel fir-Renju Unit qed jitolbu li s-swat fuq it-tfal ikun projbit u jsir illegali mmedjatament għax jagħmel ħsara lis-saħħa mentali tat-tfal. Is-swat tat-tfal biex jiġu dixxiplinati huwa projbit fl-iskejjel Ingliżi, għalkemm legalment il-ġenituri jistgħu jagħtu swat ħafif fid-dar għal “kastiġ raġjonevoli.”

Issa l-Assoċjazzjoni tal-Psikologi fil-qasam edukattiv ressqet mozzjoni sabiex is-swat fuq it-tfal jitqies illegali f’kull kuntest. Din il-liġi bħalissa qed titqies mill-Parlament Skoċċiż u mill-Gvern ta’ Wales. Il-psikologi qed jitolbu lill-Gvern Ingliż jagħraf li l-kastig fiżiku jista’ jkollu effetti negattivi fit-tul fuq l-iżvilupp tat-tfal u huwa ineffettiv bħala metodu ta’ dixxiplina. Qed jitolbu wkoll li l-iskuża ta’ “kastig raġjonevoli” titneħħa mil-liġi dwar it-tfal għax din tmur kontra l-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Magħquda għad-drittijiet tat-tfal.

F’Wales, konsultazzjoni pubblika ġiet konkluża aktar kmieni dis-sena u 81% tal-ġenituri qalu li jaħsbu li hu inaċċettabli li ssawwat it-tfal. Il-Ministru għat-tfal u l-kura soċjali, Huw Irranca-Davies qalet li l-Gvern irid jassigura li l-ġenituri kollha jagħrfu li qatt mhu aċċettabli li ssawwat it-tfal.