Fl-Università ntlemħu xi posters li jsejħu lill-membri fil-Bord tad-db group “rgħiba.”

Din l-akkuża tidher li hi marbuta mal-proġett li l-kumpanija għandha skedat għal Pembroke, ta’ torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular fil-post fejn kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Dan isir diment li l-iżvilupp propost jgħaddi mil-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, li għandha ssir fl-20 ta’ Settembru.

Dan il-proġett intlaqa’ bi lmenti u kontroargumenti sħaħ mir-residenti ta’ Pembroke, li qed jisħqu li l-proġett se “jidfinhom ħajjin” bil-“mostrożità” tiegħu, tant li tnediet kampanja bl-istess isem: Tidfnuniex Ħajjin.

Il-posters mhumiex l-ewwel ta’ din ix-xorta, għaliex tul din il-kampanja, dehru powsters oħra simili onlajn, li ppruvaw iqajmu kuxjenza fuq l-effetti negattivi ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent u r-residenti.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi għall-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tad-db group, Arthur Gauci, u taċ-Chairman Silvio Debono, iżda għadu bla risposta.