Ir-ritratti spiss jittieħdu bil-mowbajl u forsi ftit għadhom jixtru kamera tar-ritratti biex iżommu l-memorji tal-familja tagħhom. Joe Attard, il-Viċi President tas-Soċjetà Fotografika Maltija jispjega li persuna xorta tista’ tkun artistika meta tieħu ritratti bil-mowbajl. Għalhekk iħeġġeġ lil min irid itejjeb il-ħiliet tiegħu biex jattendi għal-laqgħat tas-Soċjetà li jsiru kull nhar ta’ Ħamis fil-Belt Valletta. Hemmhekk persuna tista’ tieħu ideat u suġġerimenti min-nies intiżi fil-fotografija.

Meta kien qed jieħu sehem fil-programm Mewġiet mill-imgħoddi fuq RTK ma’ Marvic Cordina, Joe Attard irrakkonta l-istorja tal-fotografija f’Malta u kif bdew jittieħdu ritratti f’Malta sa mill-1840 bir-ritratti tal-Port il-Kbir. Illum il-ġurnata ħafna ritratti antiki għadhom ħajjin billi ġew stampati fil-kotba. Jispjega kif dawn ir-ritratti jippermettu dokumentazzjoni reali ta’ kif inbidel il-pajjiż billi naraw kif kienu jidhru l-bliet u rħula Maltin.

Iktar tard bdew jiftħu l-istudjows tar-ritratti u bdew jittieħdu r-ritratti tal-okkażjonijiet importanti tal-familja, fosthom it-tiġien u l-preċetti. Jgħid li maż-żmien ħafna familji kienu jieħdu r-ritratti fuq il-bejt jew fil-bitħa jew ġnien għax kienu l-uniċi postijiet fid-djar li joffru ħafna dawl naturali. Isemmi r-ritratti żgħar li kienu jiġu stampati fid-daqs tan-negattiva.

Kien ikun hemm ritratti li kienu jiġu stampati fuq pjanċa tal-metall jew fuq il-ħġieġ jew il-mirja. Filwaqt li kien hemm ukoll l-arti ta’ ritratti tal-familji li jittieħdu fi studjow u kien ikun hemm nies kapaċi li kienu jagħtuhom il-kulur b’idejhom stess u b’ħafna paċenzja.

Il-Malta Photographic Society tinsab f’137, Old Bakery Street, il-Belt Valletta. Isiru laqgħat kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm. Iktar informazzjoni fuq maltaphotographicsociety.org