DHL Express għadhom kemm varaw ir-raba’ edizzjoni tal-Ġibda tal-Ajruplan (Plane Pull Malta) biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Puttinu Cares.

Timijiet ta’ bejn 20 u 25 persuna se jingħataw sfida: biex jiġbdu ajruplan DHL Express Boeing 757-200 Freighter, li jiżen madwar 60 tunnellata, distanza ta’ 20 metru fl-inqas ħin possibbli. Il-ħin li din is-sena hemm it-tama li jitjieb hu ta’ 31.31 sekonda li twaqqaf is-sena l-oħra.

Dan l-avveniment għall-karità se jseħħ nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Settembru mill-10.30am sal-4pm fil-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi (Gate 8).

Kull parteċipant hu mitlub jagħti donazzjoni ta’ €15. Kull m’għandhom jagħmlu hu li jniżżlu l-formola ta’ parteċipazzjoni minn fuq il-paġna tal-Facebook Plane Pull Malta, jimlewha (isem, numru tal-ID, firma u l-ħin li jixtiequ jieħdu sehem, u jibagħtuha lil planepullmt@dhl.com.

Għas-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti, se jkun hemm inġinier fis-siġġu tal-bdot biex jagħfas il-brejkijiet fi tmiem kull ġibda. Ikun hemm inġinier ieħor fuq l-art biex jagħti struzzjonijiet lill-inġinier l-ieħor.

Fl-ewwel tliet edizzjonijiet, mijiet ta’ nies ħadu sehem fl-avveniment u ġabru iktar minn €7,000 għall-karità.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Maniġer ta’ DHL Express Malta Charles Schiavone li qal li kulħadd hu mistieden jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, jew individwalment jew bħala grupp.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Puttinu Cares Dr Victor Calvagna rringrazzja lil DHL Express talli mill-ġdid għażlu l-kawża tal-fondazzjoni din is-sena u l-parteċipanti kollha li bi ħsiebhom jattendu dan l-avveniment għall-karità. Huwa qal: “nisperaw li n-nies għadhom entużjasti biex jieħdu sehem u jagħtu kontribut lill-kawża tagħna biex ngħinu lil familji bi tfal li għandhom il-marda tal-kanċer.”