Ir-riforma tal-Copyright fuq pjattaformi digitali ġiet approvata mill-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej fil-plenarja ta’ Strasburgu. Il-leġislazzjoni tipprovdi għal aktar drittijiet lill-awturi, pubblikaturi u mużiċisti għall-kontenut tagħhom fid-dinja diġitali.

438 ivvutaw favur filwaqt li 226 ivvutaw kontra. Ħlief għall-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi li vvutat kontra, il-ħamsa l-oħra vvutaw favur.

L-approvazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni ma jfissirx li saret liġi Ewropej. Issa fadal li r-rapport li ġie approvat illum jgħaddi għand il-Kunsill Ewropew biex jiġi approvat mill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea imbagħad flimkien mal-Kummissjoni, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu fuq l-aħjar liġi għaċ-ċittadini Ewropej.

Il-vot ittieħed wara sentejn ta’ diskussjoni li l-MEPs kellhom mal-produtturi u sidien ta’ diversi pjattaformi onlajn fosthom Google, Youtube u oħrajn.

Fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit, li huwa membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, qal li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hija wkoll kruċjali biex tissalvagwardja l-ġurnaliżmu ta’ kwalità u tiżgura midja indipendenti anke finanzjarjament, li tassigura l-impjiegi ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja.

Zammit Dimech qal li waqt diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru f’Malta, l-artisti tkellmu dwar il-valur tal-ħidma tagħhom. Qal ukoll li l-appoġġ lill-artisti kien kruċjali biex iċ-ċittadini jkomplu jgawdu kontenut kulturali u kreattiv.