L-eks-Assistent Segretarju Ġenerali u eks-kaxxier tal-Partit Nazzjonalista, Peter Darmanin irrakkont ma’ kif il-ħaddiema tal-protezzjoni kellhom jaqilgħu il-gallarija tad-dar ta’ Patrick Miller hekk kif ma setgħux joħorġuh billi jużaw it-taraġ.

Patrick Miller li kien parti mill-grupp ta’ persuni li kienu bdew jaħdmu ma’ Radio101 li llum jissejjaħ Net FM, instab mejjet f’residenza f’Marsalforn fi Triq Santa Marija fil-11 ta’ Settembru. Hu kellu 70 sena.

Darmanin irrakkonta kif dakinhar kien qiegħed Marsalforn meta beda jinnota affarijiet mhux tas-soltu. Spjega li ra vann tal-mejtin, karozzi tal-Protezzjoni Ċivili, u anke Pulizija. Spjega li ġriet il-kelma li nstab anzjan mejjet għall-ħabta tat-8pm. Irrakkonta kif aktar tard sar jaf li dak l-anzjan kien propju Patrick Miller, ħabib kbir tiegħu li għal bosta snin ħadmu flimkien fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u saħansitra qattgħu sjuf sħaħ imorru jgħumu Marsalforn flimkien.

Irrakkonta kif ħmistax ilu kienu għadhom kemm iltaqgħu fil-bajja ta’ Marsalforn u qattgħu ħin twil jitkellmu jiċċajtaw flimkien.

“Patrick kien raġel ġentlom u ta’ dixxiplina”

Irrakkonta kif kull min kien jaf lil Patrick jaf li kien ġentlom u rrimarka li kien bniedem maħbub minn kulħadd. Spjega li kien l-ewwel Operations Manager ta’ Radio 101 li għalkemm ma kienx jidher kien wieħed mill-pilastri tal-istazzjon tar-radju.

Irrakkontu kif waħda mill-karatteristiċi tiegħu kienet propju d-dixxiplina u b’daħka rrakkonta kif kien ħareġ regola sabiex ħadd ma jdaħħal l-ebda tip ta’ likwidu fl-istudios. Spjega kif darba fost l-oħrajn saħansitra kien talab Segretarju Ġenerali li kien mar sabiex jiġi intervistat biex joħroġ jixrob it-tazza kafè li kellu f’idu barra mill-istudio.

“Tinsewx tgħidu talba għalih”

Darmanin temm b’appell għall-pubbliku sabiex jgħidu talba għal Miller u sostna li diġà qed iħoss in-nuqqas tal-ħabib tant għażiż tiegħu.