Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li matul is-sajf kompla jdur il-festi madwar Malta u Għawdex filwaqt li jidħol fil-każini ta’ kulħadd, inkluż dawk tal-Partit Laburista.

F’intervista mal-Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt RTK 103FM Sylvana Debono f’għeluq is-sena mill-ħatra tiegħu ta’ Kap tal-PN, Dr Delia qal li kuntrarju għal dak li kienu jgħidulu l-partitarji Nazzjonalisti, huwa ddeċieda li jibda jmur anki għand dawk li ma jaqblux miegħu.

Fisser kif f’numru ta’ żjajjar bħal dawn meta jidħol fid-djar tan-nies huma jibdew jgħidulu li huma kontra tiegħu. Fl-intervista, Delia jispjega li jieqaf u jgħidilhom li hu mhux kontra tagħhom u forsi huma jkunu kontra dak li jaħseb hu u b’hekk jurihom li hu mhux għadu.

Qal li l-aktar ħaġa importanti għalih hi li jispjega lin-nies fejn il-Gvern ikun qed jagħmel tajjeb imma fejn l-Oppożizzjoni tista’ tagħmel aħjar mill-Gvern.

L-intervista sħiħa xxandret waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM.

Jiġu diskussi wkoll is-sondaġġi u Dr Deli jwieġeb dawn il-mistoqsijiet u oħrajn:

  • Il-PN għandu problema mal-partitarji tiegħu stess?
  • Huwa sew li bħala l-mara ta’ Kap ta’ partit ħarġet kontra stqarrija tiegħu stess?
  • Partit maqsum ma jistax ikun rebbieħ. Kif se tgħaqqad?